Żewġ timijiet Maltin ta’ taħt is-16-il sena kellhom suċċess lejn tmiem is-sena li għaddiet fil-GBK Christmas Cup li saret f’Lloret de Mar, Spanja. Dawn kienu t-tim ta’ Athleta fil-kategorija tas-subien u Luxol Bolt fil-kategorija tat-tfajliet.
It-tim ta’ AtoZ Athleta, taħt it-tmexxija tal-coach Isaac Xuereb, beda l-kompetizzjoni b’telfa kontra TMB France Academy, tim b’saħħtu li ta sfida importanti fuq livell internazzjonali. AtoZ Athleta rrispondew b’mod pożittiv fir-round robin, b’rebħa konvinċenti kontra t-tim ospitanti Bàsquet Lloret, li wasslithom għall-fażi tan-knockout. Fis-semi-finali, AtoZ Athleta affrontaw it-tieni tim ta’ TMB France Academy, fejn kisbu rebħa li fetħet il-bieb għall-finali tal-kompetizzjoni. Fil-finali, f’logħba intensiva u mimlija tensjoni, it-tim irnexxielu jirkupra minn sitwazzjoni diffiċli wara li kien 12-il punt minn taħt u dawru r-riżultat biex rebaħ il-kompetizzjoni.
It-tim ta’ Luxol Bolt, fil-kategorija tan-nisa, taħt it-tmexxija tal-coach Nathan Xuereb, temm vjaġġ memorabbli fil-GBK Christmas Cup hekk kif rebħu l-logħbiet kollha tagħhom. Il-kompetizzjoni bdiet b’rebħa kontra C.D.B. Sustraiak de Trapagaran Academy, tim li ftit li xejn offra sfida lil Luxol, li rebħu b’mod konvinċenti 83-23. Fil-ġurnata tal-Ħadd, Luxol affrontaw lil GEIEG Vedruna, tim Spanjol li ta sfida, iżda mill-ġdid kienu Luxol li ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 47-41. Fl-istess ġurnata lagħbu wkoll kontra TMB Academy minn Franza, partita li ntemmet 45-36 favur il-Maltin.
Peress li kien grupp ta’ erba’ timijiet, l-ewwel u t-tieni post lagħbu fil-finali fl-istess ġurnata. Minkejja l-għejja, Luxol Bolt irnexxielhom jegħlbu wkoll dan l-ostaklu u jirbħu t-tournament fil-finali kontra GEIEG Vedruna. Iż-żewġ timijiet taw wirja mill-isbaħ u denja ta’ finali, b’Luxol Bolt joħorġu rebbieħa 68-65.
Bla dubju, din kienet esperjenza internazzjonali ta’ livell għoli li spiċċat bit-timijiet ta’ Luxol Bolt u AtoZ Athleta inkurunati Champions tal-GBK Christmas Cup.



