Tabib ta’ 37 sena tressaq il-Qorti permezz ta’ ċitazzjoni t-Tnejn filgħaxija, fejn wieġeb mhux ħati għall-akkużi li niżżel u aċċessa materjal ta’ abbuż sesswali fuq tfal, li allegatament juri tfal taħt id-disa’ snin. L-imputat ma jistax jissemma b’ordni tal-Qorti, li pprojbixxiet ukoll il-pubblikazzjoni ta’ kwalunkwe dettall li jista’ jwassal biex tiġi żvelata l-identità tiegħu.
Fil-bidu tas-seduta, l-avukat tad-difiża Franco Debono talab formalment lill-Qorti biex timponi projbizzjoni fuq l-isem tal-akkużat. Il-Prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għal din it-talba u l-Maġistrat laqgħetha, billi ordnat li l-isem tat-tabib u kwalunkwe informazzjoni identifikattiva jibqgħu mhux żvelati.
Il-Qorti semgħet li l-akkużi jinkludu mhux biss it-tniżżil ta’ materjal illegali, iżda wkoll l-aċċess għal dan il-materjal permezz tal-kompjuter personali tiegħu. Madankollu, waqt is-seduta ma ngħatawx dettalji sostanzjali dwar iċ-ċirkostanzi li wasslu biex l-imputat jitressaq il-Qorti, u l-Prosekuzzjoni żammet ruħha limitata fl-espożizzjoni tal-fatti f’dan l-istadju tal-proċeduri.
Min-naħa tiegħu, l-avukat Franco Debono talab lill-Qorti biex tordna t-tħejjija ta’ rapport soċjali, bil-għan li tiġi evalwata s-sitwazzjoni personali u psikoloġika tal-akkużat. Matul id-dibattitu quddiem il-Qorti, ħareġ ukoll li t-tabib kien diġà beda jirċievi kura psikjatrika relatata ma’ dipendenza, fatt li ġie nnutat mill-Qorti mingħajr ma daħlet fil-mertu tal-każ.
Il-kawża ġiet differita għax-xahar id-dieħel biex ikomplu l-proċeduri. Il-każ qed jiġi presedut mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, bil-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Carl Pace. Għad-difiża qed jidhru l-avukati Franco Debono u Robert Borg.
//= $special ?>

