Lokali

3 snin u nofs oħra suppost ikollna żewġ vapuri ġodda

Sa tliet snin u nofs oħra suppost il-flotta tal-Gozo Channel se jkollha żewġ vapuri addizzjoni ġodda  – wieħed li jesa’ 250 vettura u ieħor li jlaħħaq 75 vettura addizzjonali. Madanakollu, għalissa sakemm tinħareġ sejħa oħra, il-poplu se jkollu jibqa’ bil-vapur Nikolaus.

Waqt press briefing fil-Ministeru għal Għawdex, indirizzata mill-Ministri Clint Camilleri, Silvio Schembri u Chris Bonett ingħad kif minn hawn u 44 xahar ieħor il-flotta se jkollha l-imsemmija żewġ vapuri ġodda, miżjuda ma’ żewġ vapuri oħrajn li hemm bħalissa.

Ġie spjegat kif se jkun qiegħed jiżdied bastiment għall-merkanzija, bħal ma ilu jinsisti l-Partit Nazzjonalista. Vapur però li se jkun qiegħed jidħol fis-seħħ minn hawn u 3 snin u nofs oħra u li se jkun qiegħed jiġi mikri.

Ironikament, wara li l-Gvern Laburista wikka lill-poplu bin-Nikolaus għal nefqa kumplessiva ta’ €12,000 kuljum, b’detriment għal passiġġieri u skumdità assoluta fejn għandu x’jaqsam aċċessibiltà – issa jidher li l-Ministru għal Għawdex qiegħed jirrealizza bl-iżball li għamel l-istess Gvern u insista li tali vapur ma jistax jibqa’ jaqsam il-fliegu ladarba ma jsirux l-aġġornamenti meħtieġa. Għaldaqstant, se tkun qed toħroġ sejħa għal vapur ieħor li se jinkera; iżda ma jeskludix li jibqa’ in-Nikolaus.

Ġie spjegat li l-vapur tal-merkanzija, immirat li jopera minn hawn u 3 snin u nofs oħra, se jkun qed jiffoka fuq vetturi u trakkijiet ta’ 12-il metru jew aktar, u se jkun qed jaħdem mill-Port Ħieles, u minn Ras Ħanżir, f’Kordin.

L-investiment fil-vapuri biss huwa stmat li ħa jiswa madwar €130 miljun madanakollu l-Minsitri għadhom ma jafux jekk hux se jkun ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea jew le.

Dan filwaqt li ntqal li mistenni jitħabbar xi xogħol u pjan ta’ infrastruttura sabiex jilqgħu għad-domanda ta’ dan il-proġett fit-tul, iżda d-dettalji ta’ dan kollu għadhom ma tħabbrux u għaldaqstant mhux magħruf x’se tkun in-nefqa kumplessiva….inkluż l-possibiltà ta’ portijiet ġodda fil-gżira Għawdxija.

Intant, intqal kif fil-ġimgħat li ġejjin mistennija toħroġ sejħa għal bini u disinn tal-vapuri ġodda filwaqt li fi żmien li ġej -li mistenni jieħu madwar 72 xahar – se jkunu qed jinbidlu l-magni tat-tlett vapuri introdotti minn Gvern Nazzjonalista – vapuri li għadna nużaw sal-lum il-ġurnata. Il-Ministri preżenti insistew li d-differenza fil-flotta se jkunu qed jarawha minn hawn u 3 snin u nofs oħra, filwaqt li l-pjan finali, se jkun lest minn hawn u sitt snin oħra.