Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, għal darb’oħra, insista li pajjiżu jeħtieġ akkost ta’ kollox jieħu l-kontroll ta’ Greenland għas-sigurtà nazzjonali tiegħu.
U minkejja li dan it-territorju semi-awtonomu ilu għal ħafna snin jifforma parti mir-Renju tad-Danimarka, Trump qal li l-Istati Uniti mhix se taċċetta alternattivi ħlief sistema ta’ kontroll totali għall-art inkwistjoni.
L-intransiġenza ta’ Trump, b’hekk, kienet enfasizzata mill-ġdid f’ħin meta l-Viċi-President Amerikan, JD Vance u s-Segretarju tal-Istat Amerikan, Marco Rubio qed jiltaqgħu, fil-White House. mal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tad-Danimarka u Greenland….Laqgħat meqjusa bħala kruċjali għall-futur tat-territorju polemikuż.
Min-naħa tagħha, id-Danimarka qed tkompli tirreżisti bil-qawwi il-jeddijiet ta’ Trump fir-rigward ta’ Greenland.
Dan meta l-Istati Uniti u d-Danimarka huma t-tnejn membri importanti tan-NATO u bil-Gvern f’Kopenhagen qed jipprova jimminimizza l-impatt tal-politika ostili ta’ Washington relatata mal-issue.
Min-naħa tagħhom, il-potenzi tal-Ewropa qegħdin jappoġġjaw lid-Danimark fil-kwistjoni u meta huma wkoll lesti biex jiddefendu s-sovranità tad-Daniżi fir-rigward ta’ Greenland. Dan ukoll waqt li l-potenzi qed jippruvaw ifasslu l-proposti militari biex jistimolaw il-preżenza tan-NATO madwar it-territorju inkwistjoni.
Is-sitwazzjoni hi tassew waħda preokkupanti – bid-Danimarka, ftit jiem ilu, tisħaq li kwalunkwe attakk militari tal-Istati Uniti fuq Greenland –li l-politika tad-difiża tiegħu hi determinata mill-istess Daniżi – għandu jfisser tmiem totali għall-Alleanza tan-NATO.
Dan meta d-Danimarka hi responsabbli wkoll mill-politika barranija ta’ Greenland – bil-maġġoranza assoluta tas-57,000 resident tat-territorju qed iwasslu messaġġ ċar fis-sens li ‘huma jippreferu li jkunu magħrufin bħala Daniżi milli Amerikani’.
Kull azzjoni militari mill-Amerikani fil-konfront ta’ Greenland għandha tikkostitwixxi wkoll attakk dirett fuq alleat ewlieni tal-Istati Uniti…Sitwazzjoni li għandha twassal anki għat-tmiem tal-kunċett għaz-zamma tas-sigurtà internazzjonali li ilu effettiv u rispettat (mill-Istati Uniti u l-Istati Ewropej) sa mill-aħħar tat-Tieni Gwerra Dinjija.
//= $special ?>

