Il-ġurnal Times of Malta kompla jikxef dak li għaddej fil-qalba tal-Labour, hekk kif fl-aħħar jiem id-Delegat Speċjali tal-Partit Laburista Jason Micallef hedded li jirriżenja wara l-kummenti li għadda Robert Abela rigward il-famuż ramel li tpoġġa f’Ta’ Qali.
Net News ilu ġimgħa sħaħ jirrapporta kif is-sitwazzjoni bejn Micallef u Abela xejn mhi pjaċevoli. Għalkemm apertament, Jason Micallef dejjem jipprova jilgħab il-logħba li bħal donnu “kollox miexi ħarir” – meta fil-verità, hemm tensjonijiet kbar għaddejin bejn u bejn il-Mexxej Laburista.
Din is-sitwazzjoni xejn ma niżlet tajjeb mal-klikka ta’ Robert Abela, fil-ġimgħa li matulha – suppost – kellhom jiċċelebraw l-anniversarju tiegħu fit-tmexxija. Iżda Micallef, li huwa parti mill-klikka ta’ Muscat, qalilha li fiċ-ċirkustanzi hemm affarijiet aktar importanti li jridu jiġu indirizzati. Tant li hu stess hedded li jirriżenja.
Issa, sorsi tat-Times ikkonfermaw propju dan kollu. Għalkemm qalu li Micallef tkellem fis-saħna tal-mument, u fl-ebda ħin ma ta xi ittra ta’ riżenja.
Din is-saga kollha żbruffat wara li l-Ħadd Micallef spiċċa mormi mill-Prim Ministru u l-klikka tiegħu. Dan hekk kif Robert Abela irridikolah pubblikament meta qal li l-ħaxix f’Ta’ Qali fadallu xhur biex jitla’.



