Il-psikjatra Joe Cassar qal li Noel Azzopardi kien jinsab fi stat ta’ paniku meta eżaminah fit-2 ta’ Jannar 2024, jum wara li allegatament spara u qatel lil Eric Borg ta’ 27 sena, fir-Rabat, Malta. Cassar kien qiegħed jixhed fil-ġuri li jinsab għaddej quddiem l-Imħallef Neville Camilleri, fejn il-ġurati jridu jiddeċiedu jekk l-akkużat kienx f’sensih fil-mument tal-isparatura.
Ix-xhud spjega li kien tqabbad mill-Pulizija sabiex jivvaluta jekk Azzopardi kienx f’qagħda mentali li jiġi interrogat, u kkonkluda li kien “fit for interrogation”, jiġifieri kapaċi jitkellem mal-investigaturi u jifhem id-differenza bejn it-tajjeb u l-ħażin. Madankollu, Dr Cassar qal li l-valutazzjoni dwar jekk l-imputat kienx responsabbli mentalment għall-azzjonijiet tiegħu kienet teħtieġ eżerċizzju differenti, peress li meta eżaminah kien fi stat paranojku.
Quddiem il-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, il-psikjatra rrakkonta kif Azzopardi spjegalu li fil-jum tad-delitt lemaħ karozza ħdejn għelieqi, niżżel il-ħġieġa tal-karozza tiegħu u l-vittma allegatament qallu kliem ta’ theddid. Azzopardi qallu wkoll li kien konxju li spara lejn Borg u ta’ dak li għamel, għax kien jemmen li l-vittma “illum jew għada” kien se jagħmillu xi ħaġa.
Semmielu wkoll episodju fejn darba ra lil xi ħadd f’karozza jiċċassa lejh, li kkontribwixxa għall-biżgħat tiegħu. Dr Cassar qal li l-imputat infurmah li kien imur għand psikjatra kull erba’ xhur u li kien ilu jieħu mediċina waħda kuljum, iżda dak iż-żmien ma kienx għadu qed ieħodha.
Żied li Azzopardi rrakkontalu kif fl-aħħar sentejn kienu żdidulu l-ħsibijiet ta’ dwejjaq u kellu wkoll ħsibijiet suwiċidali, filwaqt li meta kellu 13-il sena kien għadda minn operazzjoni għal tumur. Fix-xhieda tiegħu, il-psikjatra qal li Azzopardi stqarr li kien jisma’ vuċijiet meta ma jkun hemm ħadd miegħu u li kien daħħal f’rasu li xi ħadd ried iweġġgħu. Skont Dr Cassar, dawn l-elementi kollha kienu juru li kien hemm evidenza ċara ta’ paranojja fil-ħsibijiet tal-imputat.
Matul it-tielet jum tal-ġurin li qed jinstema’ f’Awla 29, il-ġurati se jkunu qed jiddeterminaw jekk Noel Azzopardi, akkużat bil-qtil ta’ Eric Borg, għandux jgħaddi ġuri, hekk kif se tkun determinata s-saħħa mentali tiegħu. Eric Borg, kien inqatel fi Triq il-Fidloqqom, fl-inħawi tan-Nigret, fir-Rabat.
Il-każ qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Neville Camilleri u għall-akkużat qed jidhru l-Avukati Arthur Azzopardi u Nicole Vassallo. L-Avukati Kevin Valletta u Kylie Bonett qed imexxu l-Prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukat Joe Giglio qed jidher bħala parte civile fil-każ għan-nom tal-famijari tal-vittma.
//= $special ?>

