Ftit jiem biss wara konferenza stampa mill-Oppożizzjoni fiċ-Ċirkewwa, u wara l-kaos li nħoloq fuq iż-żewġ naħat tal-fliegu fil-jiem tal-festi, il-Gvern illum ħabbar li se jkun qed jimmodernizza l-flotta tal-vapuri tal-Gozo Channel b’investiment f’żewġ vapuri ġodda u titjib tat-tliet vapuri eżistenti li wieħed minnhom se jibda jintuża għall-ġarr tal-merkanzija bejn il-Port tal-Imġarr u l-Freeport. Flok in-Nikolaos se jkun qed jinkera vapur ieħor.
Aħjar tard milli qatt. Anke jekk fadlilna nistennew mill-inqas tliet snin oħra, biex jaslu l-vapuri l-ġodda – għax għadu ma nareġ l-ebda tender u l-Gvern għadu fil-fażi li jfassal id-disinji u jibda x-xogħol fuq il-proċess tal-procurement. Anke fil-każ tal-vapur li se jiġi mikri flok in-Nikolaos, għadha trid toħroġ is-sejħa.
Il-Partit Nazzjonalista ma jistax ma jilqax dan l-iżvilupp b’sodisfazzjon, aktar u aktar għax ilu snin twal jinsisti fuq dak li l-Gvern ħabbar illum, anke jekk tlettax-il sena tard.
Aktar u aktar għax dak li ħabbru b’pompa kbira tliet Ministri llum huwa fil-fatt fotokopja preċiża tal-proposti li l-Partit Nazzjonalista ilu jressaq ‘il quddiem, bil-Gvern issa se jkun qed jattwa dak li l-PN ilu snin twal jipproponi. Dan jinkludi wkoll it-twaqqif ta’ Task Force li għadha trid tistudja x’titjib infrastrutturali huwa meħtieġ fil-Port tal-Imġarr biex jilqa’ għal dawn il-bidliet – proposta li wkoll ilu jagħmel il-Partit Nazzjonalista.
Hija ħasra li nħlew 13-il sena biex il-Gvern jieħu din id-deċiżjoni u wara li wikka lill-Għawdxin u lill-Maltin b’vapur second-hand bħan-Nikolaus għal tant snin, issa għax riesqa l-elezzjoni, qed jipprova juri li qed jagħmel xi ħaġa.
Issa qed jgħidulna li fl-2029 se jkollna s-soluzzjoni meta s-soluzzjoni kellna bżonnha llum u messhom ilhom li ħasbu għaliha. Li kieku l-Gvern laqa’ l-proposti li ilha tagħmillu l-Oppożizzjoni, kieku diġà qed ingawdu mis-servizz bil-baħar li jixirqilna bejn Malta u Għawdex fiż-żminijiet tal-lum.
Naturalment, iżda, aħjar tard milli qatt. Dejjem jekk dak li tħabbar illum, fil-fatt jitwettaq.
Nisperaw biss li din mhix xi wegħda oħra tas-Silly Season u li l-Ministru għall-Finanzi – li ma kienx preżenti għall-briefing mal-ġurnalisti li sar illum – approva dawn il-proġetti li tħabbru.
//= $special ?>

