Lokali Parlament

Il-parlament isellem lill-ex Deputat Laburista Paul Chetcuti Caruana

Il-parlament sellem lill-ex Deputat Laburista Paul Chetcuti Caruana li miet illum l-Erbgħa.

It-tabib Paul Chetcuti Caruana kien deputat Laburista bejn l-1976 u l-1981.

Kien id-Deputat Speaker David Agius li f’ismu u f’isem l-Ispeaker Anġlu Farrugia sellem lit-Tabib Paul Chetcuti Caruana fis-seduta parlamentari tal-lum l-Erbgħa.

Il-Whip tal-Gvern Naomi Cachia u l-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar ukoll sellmu lit-Tabib Paul Chetcuti Caruana u taw il-kondoljanzi lill-familja Caruana.

It-Tabib Chetcuti Caruana kien element kruċjali fil-qtil ta’ Karin Grech f’Diċembru 1977 fil-perjodu tal-kwistjoni bejn il-Gvern Laburista u t-tobba. It-Tabib Chetcuti Caruana kien irċieva ittra li fiha kien hemm splussiv simili għal dak li qatel lil Karin Grech. Filwaqt li l-pakkett mibgħut lill-Professsur Edwin Grech u li fil-fatt infetaħ minn Karin Grech u qatilha fid-dar tal-familja, l-isplussiv li intbagħat għand it-Tabib Chetcuti Caruana fil-Mosta kien difettuż u ma splodiex. Il-każ dwar Karin Grech jibqa’ mhux solvut.