Il-fastidju sesswali ma jista’ qatt jiġi ġġustifikat, u l-Partit Nazzjonalista jikkundanna bla riservi kull attentat, isir minn min isir, biex każijiet bħal dawn jiġu minimizzati. It-trawma li tgħaddi minnha vittma ta’ fastidju sesswali ma tintemmx mas-sentenza tal-qorti, u kull attentat biex l-aġir ta’ aggressur ikun ġustifikat ifisser aggressjoni oħra fuq il-vittma.
Dan intqal fi stqarrija maħruġa mix-Shadow Minister għall-Ugwaljanza, il-Libertajiet Ċivili u x-Xandir Pubbliku Graziella Attard Previ.
Il-mod kif Ricky Caruana uża l-podcast tiegħu – sponsorjat fost l-oħrajn minn aġenzija tal-Gvern – biex jagħti pjattaforma lil xi ħadd li nstab ħati mill-Qrati tagħna li ta fastidju sesswali biex jipprova jnaddaf ir-reputazzjoni tiegħu huwa kundannabbli. Xogħol il-media hu li teduka, tinforma u tipprovdi divertiment imma żgur mhux li tipprova tnaddaf ir-reputazzjoni ta’ persuna li tkun instabet ħatja ta’ reat.
Il-fatt li Ricky Caruana huwa wkoll xandar fuq ix-Xandir Pubbliku jpoġġi fuqu responsabbiltajiet anke meta ma jkunx qiegħed fuq l-istazzjon pubbliku – responsabbiltajiet li mhux qed iġorr kif wieħed jistenna minn preżentatur serju u responsabbli.
Din mhix l-ewwel darba li dan il-preżentatur esprima fehmiet miżoġinisti u li jagħmlu ħsara lin-nisa. Anke meta seħħ l-ewwel każ, diversi għaqdiet tan-nisa u organizzazzjonijiet oħrajn kienu ħarġu jikkundannaw l-aġir tal-istess preżentatur, fosthom il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza u l-Malta Women’s Lobby, imma sfortunatament jidher li ma nbidel xejn.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen bis-sħiħ li opinjonijiet bħal dawn mhumiex posthom fuq l-ebda tip ta’ media ta’ pajjiż żviluppat fl-2026. Jappella wkoll għall-użu responsabbli tal-media soċjali li fid-dinja tal-lum kulħadd jaf l-influwenza qawwija li għandhom fuq l-opinjoni pubblika.
//= $special ?>

