Il-Partit Nazzjonalista jappella biex fil-każ tal-kwistjoni dwar il-Forti ta’ Tigné, tkun xi tkun id-deċiżjoni finali, dan is-sit storiku jkun aċċessibbli għal kulħadd, għaliex dan huwa patrimonju nazzjonali li allura għandu jitgawda mill-poplu Malti.
L-Oppożizzjoni tinnota l-offerta li għamlet l-NGO Din l-Art Ħelwa lill-kumpanija MIDI – li għandha l-emfitewsi f’idejha – biex il-Forti jiġi ssalvagwardjat fl-interess nazzjonali u tistaqsi x’qed jistenna l-Gvern biex jikkommetti ruħu dwar dan l-aħħar żvilupp.
Aktar u aktar meta jidher li hemm kunsens nazzjonali, anke kif ta x’jifhem fl-aħħar jiem il-Prim Ministru meta ddikjara li jkun tal-mistħija jekk dan il-wirt storiku jinbidel f’lukanda, waqt li żied li l-Gvern huwa miftuħ għal ideat biex il-Forti jingħata użu ieħor u se jagħmel minn kollox biex jiġi mħares l-interess nazzjonali.
Fil-kuntest tal-ħafna kliem sabiħ u billboards dwar kemm għandna bżonn aktar spazji miftuħa, spazji li huma pubbliċi u li jitgawdew minn kulħadd, ikun xieraq li l-istess Gvern jintervjeni skont l-obbligi kummerċjali kollha u jrodd lura dan il-wirt storiku lill-pubbliku waqt li naturalment jassigura li dak li huwa dritt tal-privat jingħata lill-privat.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg diġà ddikjara li kemm-il darba l-Gvern jieħu passi skont l-obbligi kummerċjali biex il-Forti jintradd lura lill-pubbliku, se jsib l-appoġġ sħiħ tal-Oppożizzjoni.
Il-Partit Nazzjonalista, madanakollu, ma jistax ma jinnutax kif anke f’din il-kwistjoni, il-Gvern ta’ Robert Abela pprova jidħak bin-nies u nqabad f’gidba. Kienet il-kumpanija MIDI stess li kixfitu meta żvelat li qabel bdiet tfittex investituri privati, kienet marret hi stess għand il-Gvern biex tinnegozja r-ritorn tal-Forti ta’ Tigné f’idejn il-Gvern, imma n-negozjati ma kienu wasslu mkien. Turija ċara tan-nuqqas ta’ rieda min-naħa tal-Gvern li dan il-Forti verament jerġa’ jibda jitgawda mill-poplu kollu bħala spazju miftuħ. Bejn dak li qal Robert Abela u l-fatti, hemm baħar jikkumbatti.
Sfortunatament, kif jagħmel dejjem, il-Prim Ministru pprova jippolitiċizza din il-kwistjoni b’dikjarazzjonijiet li permezz tagħhom kien ipprova, b’xi mod, jitfa’ din il-problema fuq amministrazzjonijiet preċedenti meta, fir-realtà, f’Jannar tas-sena 2000 il-vot kien unanimu u dakinhar l-Oppożizzjoni Laburista vvutat favur.
Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Prim Ministru biex flok joqgħod jaħli ħinu fl-attakki fuq l-Oppożizzjoni, mingħajr aktar dewmien jiddikjara jekk jaqbilx mal-offerta ta’ €2.5 miljun li għamlet Din l-Art Ħelwa biex il-Forti jgħaddi f’idejha u jiġi ppriservat waqt li jinfetaħ biex jitgawda mill-pubbliku. U jgħid ukoll jekk il-Gvern hux se jintervjeni u juża l-poter tiegħu biex dan il-ftehim jimmaterjalizza.
Kif ikun fiż-żifna, Abela għandu jgħidilna wkoll fiex wasal il-proġett tal-Park Nazzjonali f’Manoel Island. Hawn ukoll, il-Prim Ministru issa ilu mhux ħażin jiftaħar u jwiegħed li din l-art se tingħata lura lill-pubbliku biex titgawda mill-familji, wara li kellu jċedi għall-pressjoni qawwija li saret u l-protesti, imma sa issa apparti l-assigurazzjoni tal-Prim Ministru li Manoel Island se jsir Park Nazzjonali, ma smajna xejn aktar dwar fiex wasal il-proċess.
U meta wieħed jara x’ġara f’Ta’ Qali, l-assigurazzjonijiet tal-Prim ma tantx huma ta’ min joqgħod fuqhom. Wieħed jittama biss li l-Gvern ma jużax dak li għamel fl-akbar spazju miftuħ għall-familji Maltin f’Ta’ Qali bħala blueprint għal proġetti oħra futuri ta’ spazji miftuħa.
//= $special ?>

