“Irridu naraw li jkollna eko-sistema fejn l-industrija ta’ pajjiżna tkompli tissaħħaħ”
Hekk stqarr il-Kap tal-PN Alex Borg, waqt żjara fil-kumpanija ESS Ltd fl-Imrieħel.
Matul iż-żjara, il-Kap tal-PN seta’ jara mill-qrib ix-xogħol tekniku li twettaq ESS, il-proġetti li tinsab għaddejja bihom, kif ukoll il-viżjoni tal-kumpanija favur soluzzjonijiet sostenibbli. Hu faħħar l-impenn tal-kumpanija lejn l-innovazzjoni, u sostna li intrapriżi bħal ESS huma kruċjali biex Malta tibqa’ kompetittiva fl-oqsma tal-infrastruttura u t-teknoloġija.
ESS Ltd twaqqfet fl-2001 minn Duncan Agius u tirrappreżenta marki internazzjonali ewlenin; fosthom Schneider. Il-kumpanija toffri portafoll wiesa’ ta’ prodotti u servizzi li jinkludu sistemi elettroniċi u dawl, kemm għal proġetti kummerċjali kif ukoll dawk domestiċi.
F’kumment lil Net News, il-fundatur ta’ ESS Ltd., Duncan Agius, qal li jixtieq jara lill-kumpanija tkompli tespandi u tidħol fi swieq internazzjonali.
Din iż-żjara kienet parti minn inizjattiva tal-Partit Nazzjonalista biex ikompli jiltaqa’ man-negozji Maltin u jisma’ mill-qrib l-isfidi u l-opportunitajiet li jaffaċċjaw.
Preżenti kien hemm ukoll ix-Shadow Ministers Ryan Callus u Mark Anthony Sammut, flimkien mal-kandidati għall-elezzjoni ġenerali Frederick Aquilina u Marilena Gauci.





