Lokali Qorti

Ir-raġel ta’ Mildred Azzopardi ma jiftakar xejn wara l-impatt fatali li qatel lil martu f’Ta’ Liesse

Il-Qorti semgħet kif ir-raġel ta’ Mildred Azzopardi ma jiftakar xejn mill-mumenti li segwew l-impatt fatali li wassal għall-mewt ta’ martu. Minn kif seħħ l-inċident, huwa spiċċa jiġġieled għal ħajtu u bi ġrieħi f’rasu, u l-aħħar ħaġa li jiftakar kienet li qam fl-isptar, u li wara ġie infurmat mill-Pulizija u mit-tobba dwar dak li kien seħħ.

Dan ħareġ meta kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Benjamin Chetcuti, suldat ta’ 23 sena minn Raħal Ġdid, li qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ qtil involontarju, f’inċident li seħħ il-Ħadd, 27 ta’ Lulju li għadda. 

Huwa akkużat li l-karozza Subaru Impreza li kien qed isuq ħabtet ma’ Ford Fiesta ipparkjata fi Triq Ta’ Liesse, il-Belt Valletta, u b’konsegwenza ta’ dan inqatlet Mildred Azzopardi, mara ta’ 62 sena mill-Ħamrun u omm ta’ erbat itfal.

Il-vittma kienet mietet fuq il-post, filwaqt li r-raġel tagħha Alfred Azzopardi, eks plejer tat-tim nazzjonali Malti tal-futbol, għamel perjodu fil-periklu tal-mewt. Ir-raġel ta’ Mildred Azzopardi li xehed fil-qosor qal li hu u martu kienu waslu bil-karozza u pparkjaw, u li hu kien baqa’ bilqiegħda fis-seat tax-xufier filwaqt li martu niżlet biex tpoġġi xi affarijiet fil-bagoll.

Ftit wara seħħ l-impatt, iżda minn dak il-mument ’il quddiem ma jiftakar xejn aktar, ħlief li qam l-isptar u sar jaf x’ġara permezz tal-awtoritajiet. Xehed ukoll quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech l-Ispettur Nathan Bugeja, li mar fuq il-post ftit wara l-inċident u spjega l-kwadru tal-investigazzjoni.

Huwa qal li fuq il-post kien hemm tobba li kienu qed jagħtu l-ewwel għajnuna, filwaqt li l-Pulizija bdew minnufih l-investigazzjonijiet u l-ġbir tal-evidenza. Il-Qorti semgħet ukoll ix-xhieda tat-tabib Jonathan Joslyn, li kien l-ewwel wieħed li wasal fuq il-post. Huwa ddeskriva l-istat estremament prekarju li sab fih lil mara vittma, li kienet litteralment mgħaffġa bejn iż-żewġ vetturi.

Żewġha, min-naħa l-oħra, kien qed isofri minn ġrieħi f’rasu. Meta mistoqsi dwar jekk kienx hemm il-preżenza tal-akkużat fuq il-post, it-tabib qal li ma jiftakarx, hekk kif il-fokus tiegħu kien esklussivament fuq Mildred Azzopardi u żewġha.

Xehed ukoll l-eks Assistent Kummissarju Dennis Theuma li qal li l-karozza Subaru Impreza li kienet involuta fl-inċident kienet irreġistrata fuq in-nannu tal-akkużat, iżda Benjamin Chetcuti kien sewwieq awtorizzat tagħha wkoll. Il-karozza kellha polza tas-sigurtà imma ġie spjegat li l-akkuża tas-sewqan mingħajr assigurazzjoni qamet minħabba li l-polza ma tkoprix sitwazzjoni fejn is-sewwieq ikun taħt l-influwenza tal-alkoħol.

Xehdet ukoll l-esperta tal-qorti Dr. Marisa Cassar, li spjegat li fit-24 ta’ Frar, għall-ħabta tal-11.30am, ġie elevat swab mis-seatbelt tas-seat tax-xufier. Minn dan l-eżerċizzju nħareġ DNA profile ta’ persuna maskili, dik tal-akkużat.

Fil-Qorti f’seduta preċedenti kien ħareġ li ftit tal-ħin qabel l-inċident, il-vittma kienet qed tistad ma’ żewġha fil-viċinanzi. Wara l-ħabta, Chetcuti qed jiġi mixli wkoll li kkawża ġrieħi gravi lir-raġel tal-vittma, li dan seħħ b’negliġenza, li għamel ħsara lil diversi vetturi oħra — fosthom Toyota Vitz, Znen, Yamaha u Ford Fiesta — u li naqas milli jipprevjeni reat minkejja li hu uffiċjal pubbliku.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Darleen Grima mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, assistita mis-Superintendent Nicholas Vella. L-akkużat huwa assistit mill-avukati Franco Debono, Arthur Azzopardi u Jacob Magri, filwaqt li l-Avukata Lara Dimitrijevic qed tidher f’isem il-familja tal-vittma.