Lokali

Jirriżenjaw żewġ membri tal-bord tal-inġinerija

Żewġ membri tal-bord tal-inġinerija irriżenjaw ftit sigħat qabel il-Bord kien mistenni jibda jipproċessa applikazzjonijiet għal warrants minn gradwati tal-inġinerija tal-MCAST – bir-raġuni ewlenija għar-riżenja tkun, illi din il-bidla tista’ tnaqqas mill-istandards professjonali filwaqt li twassal għal riskju ta’ traġedji fil-futur.

Arthur Ciantar u Samuel Bonanno, it-tnejn membri tal-Malta Association of Professional Engineers, il-MAPE, ħabbru r-riżenja tagħhom it-Tnejn. F’ittri separati lill-Ministru tal-Infrastruttura Chris Bonett, huma qalu li ma setgħux jappoġġjaw deċiżjoni li tippermetti lil gradwati minn korsijiet ta’ inġinerija mhux akkreditati, jiksbu warrant professjonali.

Il-membri li rriżenjaw saħqu li l-korsijiet tal-inġinerija tal-MCAST mhumiex akkreditati formalment minn aġenzija rikonoxxuta mill-European Network for Accreditation of Engineering Education – b’differenza għall-korsijiet offruti mill-Università ta’ Malta.

Bonanno tenna li l-approċċ tal-bord kien inkonsistenti, u osserva li f’każijiet preċedenti, inkluż mal-Università AUM u applikanti barranin – l-akkredazzjoni kienet meħtieġa.

Intant, Ciantar staqsa jekk verament tgħallmux lezzjonijiet mill-mewt ta’ Jean Paul Sofia lura fl-2022. Hu ħeġġeġ li l-għoti ta’ warrants lil gradwati minn istituzzjonijiet mhux akkreditati jista’ jħalli reputazzjoni ħażina fuq il-professjoni tal-inġiniera u jpoġġi l-ħajjiet fir-riskju.


Min-naħa tagħha, Il-Kamra tal-Inġiniera aċċettat id-deċiżjoni tal-bord, u argumentat li l-gradwati tal-MCAST għandhom ikunu eliġibbli.