Lokali Qorti

Konfermata ħtija dwar imwejjed illegali fi Pjazza San Ġorġ fir-Rabat, Għawdex

Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat fil-maġġoranza tagħha sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) dwar tqegħid illegali ta’ mwejjed u siġġijiet barra stabbiliment f’Pjazza San Ġorġ fir-Rabat, Għawdex, filwaqt li naqqset biss multa minima imposta fuq wieħed mill-akkużati relatata ma’ nuqqas ta’ obdjenza lejn ordnijiet tal-Pulizija.

Id-deċiżjoni ngħatat mill-Imħallef Natasha Galea Sciberras, f’żewġ appelli separati mressqa minn Sylvia Marie Grech u Mokhtar Mohamed Salem Elmajdubi, wara sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2023. Iż-żewġ imputati kienu nstabu ħatja li okkupaw spazju pubbliku b’imwejjed u siġġijiet mingħajr il-permessi meħtieġa mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u mid-Dipartiment tal-Artijiet, b’referenza għall-istabbiliment “Bistro 23Four”.

Il-każ oriġina minn spezzjoni tal-Pulizija li saret fit-3 u l-4 ta’ Lulju 2022, meta ġew osservati sebat imwejjed u siġġijiet armati quddiem l-istabbiliment f’żona pubblika. Mill-investigazzjoni rriżulta li la kien hemm liċenzja valida mill-Awtorità tat-Turiżmu u lanqas permess ta’ encroachment mill-Awtorità tal-Artijiet, minkejja li l-post kien reġistrat bħala ristorant u bar.

Elmajdubi, li kien reġistrat bħala operatur u substitute tal-istess stabbiliment, kien ukoll ordnat ineħħi l-għamara iżda din baqgħet fuq il-post. Filwaqt li Sylvia Marie Grech argumentat li hija, bħala detentriċi tal-liċenzja, ma kellhiex involviment dirett fl-aġir illegali u lanqas kienet preżenti waqt l-ispezzjoni, il-Qorti tal-Appell qablet mal-ewwel Qorti li r-responsabbiltà legali taqa’ wkoll fuq il-licencee.

Il-Qorti saħqet li min iżomm il-liċenzja għandu d-dover li jiżgura li l-istabbiliment jitmexxa skont il-liġi u l-kundizzjonijiet tal-liċenzja, irrispettivament minn min ikun l-operatur fil-prattika. Għaldaqstant, l-appell tagħha ġie miċħud fl-intier tiegħu, inklużi l-ilmenti dwar in-nuqqas ta’ provi u l-allegata eċċessività tal-multa.

Fir-rigward ta’ Elmajdubi, il-Qorti tal-Appell ikkonfermat ukoll il-ħtija tiegħu fuq it-tielet u r-raba’ imputazzjonijiet marbuta mat-tqegħid illegali ta’ mwejjed u l-okkupazzjoni ta’ spazju pubbliku mingħajr awtorizzazzjoni. Il-Qorti rrilevat li l-provi kienu ċari li l-għamara kienet tappartjeni għall-istabbiliment, li hu kien fuq il-post waqt l-ispezzjoni, u li kien ordnat ineħħiha. B’hekk, il-Qorti qieset li l-konklużjoni tal-ewwel Qorti kienet waħda raġonevoli u legali.

Madankollu, fil-każ tal-ħames imputazzjoni kontra Elmajdubi, dwar in-nuqqas li jobdi ordnijiet leġittimi tal-Pulizija, il-Qorti tal-Appell qablet parzjalment mal-ilment tiegħu fuq il-piena. Filwaqt li kkonfermat il-ħtija, il-Qorti qieset li kien hemm lok tapplika d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali li jippermettu tnaqqis tal-piena, u għalhekk naqqset l-ammenda minn €50 għal €25.

B’mod ġenerali, il-Qorti saħqet li l-multi imposti fuq iż-żewġ imputati dwar ir-reati amministrattivi relatati mal-liċenzji u l-okkupazzjoni ta’ spazju pubbliku kienu fil-parametri tal-liġi u ferm eqreb lejn il-minimu milli lejn il-massimu permess. Enfasizzat ukoll li Qorti tal-Appell ma tintervenix fuq piena sempliċement għax tidher severa, sakemm ma tkunx manifestament eċċessiva jew żbaljata fil-prinċipju.

Fl-aħħar nett, il-Qorti ċaħdet l-appell kollu ta’ Sylvia Marie Grech, laqgħet parzjalment dak ta’ Mokhtar Mohamed Salem Elmajdubi limitatament għat-tnaqqis tal-ammenda fuq il-ħames imputazzjoni, u kkonfermat is-sentenza appellata fil-bqija tagħha.