Internazzjonali

L-Iran: Il-vittmi tar-reġim jirrankaw bl-eluf……bl-Istati Uniti fuq ‘standby’ għal azzjoni militari

Ir-rewwixta kontra t-Tmexxija Iżlamika tal-Iran irrankat fl-aħħar sigħat, bil-qawwiet speċjali tar-reġim qed ikomplu joqtlu u jferu l-eluf ta’ ċittadini li qamu kontra l-Gvern tal-Ayatollah Ali Khamenei….Rewwixta li ilha mill-aħħar ta’ Diċembru u meta l-poplu jinsab determinat biex joħroġ mill-era ta’ oppressjoni u brutalità li ilha mis-snin sebgħin sinonima mad-destin tal-Iran.

Il-poplu Iranjan, fil-preżent, qed jgħix minn żmenijiet tassew iddisprati meta – minbarra l-inċidenzi kontinwi ta’ vjolenza f’Tehran u għexieren ta’ bliet oħrajn—il-mijiet tal-eluf tal-familji qed ibatu mill-konsegwenzi tal-inflazzjoni bla rażan kif ukoll mill-effetti tal-kroll tal-kambju lokali b’riżultat tas-sanzjonijiet imposti fuq l-Istat fundamentalista.

U waqt li l-qtil tad-dimostranti qed ikompli taħt idejn il-milizji leali għal Khamenei u s-suldati elitisti tal-Gwardja Repubblikana, l-Istati Uniti għamlitha ċara li tinsab fuq standby għal intervent militari potenzjali fl-artijiet tal-Iranjani.

Dan waqt li l-President Amerikan Donald Trump insista li l-Istati Uniti għandha tieħu ‘azzjoni konkreta’ kontra l-Iran jekk kemm-il darba jkomplu l-massakri fit-toroq.

Il-gruppi favur id-drittijiet umani qed jgħidu li nqatlu madwar 3,000 Iranjan waqt l-aħħar azzjonijiet ta’ protesta kontra r-reġim Iranjan.

Iżda sorsi oħrajn li qed iwasslu xorta l-informazzjoni ‘il hinn mill-Iran minkejja l-blackout għall-Internet qed jgħidu li l-vera ċifra tal-maqtula fuq id-direttivi ta’ Khamenei x’aktarx li qabżet sew is-7,000.

L-awtoritajiet Iżlamiċi fl-Iran, bħalissa, anki qed iressqu numru ta’ dimostranti li qamu kontra l-Gvern quddiem il-qrati marzjali li, min-naħa tagħhom, qegħdin joħorġu s-sentenzi tal-mewt awtomatiċi.

Dan meta l-kelliema għall-organizzazzjonijiet għall-ħarsien tad-drittijiet umani qalu li qatt qabel ma kien hawn proċess ġudizzjarju li tmexxa b’mod daqstant rapidu u bil-ħsieb li jelimina lill-avversarji tar-reġim Iranjan.

Min-naħa tiegħu, il-President Trump, waqt intervista lil CBS News, qal li r-reġim Iranjan, ‘il quddiem, għandu jħallas prezz qares ħafna jekk jippersisti b’dawn l-esekuzzjonijiet ta’ ċivili.

Donald Trump qed iħejji biex jiddiskuti s-sitwazzjoni fl-Iran waqt laqgħa speċjali mal-ogħla uffiċjali tas-sigurtà fil-White House — u fejn mistenni li hu jitlob dettalji dwar iċ-ċifri eżatti tal-maqtula waqt ir-rewwixta. Fl-istess ħin, Trump insista li l-vittmi tar-reġim ta’ Khamenei huma sinifikanti u li l-ammonti jistgħu jkunu ‘storiċi’.

L-entitajiet b’responsabbiltà għall-ħarsien tad-drittijiet umani qalu wkoll li hemm numru mhux ħażin ta’ tfal fost il-vittmi tar-reġim Iranjan – u meta fir-rewwixta anki tilfu ħajjithom madwar 150 persuna affiljati mat-Tmexxija Iżlamika.

Fl-aħħar sigħat, l-aġenzija Iranjana tal-aħbaraijiet FARS irrappurtat dwar il-funerali li kienu qed isiru f’Tehran għal aktar minn 100 membru tal-qawwiet tas-sigurtà u li l-aġenzija fissrithom bħala ‘martri’.