Lokali Parlament

L-NAO jinsisti li l-valur stabbilit fid-deal tal-Fortina kien wieħed baxx

L-Awditur Ġenerali Charles Deguara xehed quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) li minkejja l-valutazzjonijiet u r-rapporti li saru, l-ammont li tħallas mill-Lukanda Fortina biex tneħħew kundizzjonijiet fuq żvilupp ta’ partijiet fl-istess sit kien wieħed baxx.

Fil-kumitat, li ddiskuta dan il-każ tal-Lukanda Fortina u l-konċessjoni marbuta, xehedu l-Awditur Ġenerali Charles Deguara u l-Uffiċċjal mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali Keith Mercieca.

Għall-Gvern ipparteipaw id-Deputati Laburisti Edward Zammit Lewis, Ramona Attard u Glenn Bedingfield waqt li għall-Oppożizzjoni ipparteċipaw id-Deputati Nazzjonalisti Darren Carabott, Graham Bencini u Mark Anthony Sammut. Il-kumitat kien presedut mid-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott.

L-Awditur Ġenerali Charles Deguara qal li dan hu rapport li sar fil-kuntest tal-atti ta’ trafserimenti ta’ artijiet tal-Lukanda Fortina f’Tas-Sliema. Hu qal li l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet qabbad tliet periti biex jagħmlu valutazzjoni tal-partijiet involuti biex jitneħħew ċertu kundizzjonijiet iżda dawn ma ngħatawx termini speċifiċi ta’ riferenza.

Dawn il-periti qalu li ngħataw direttiva mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet biex jevalwaw parti waħda biss tas-sit tal-lukanda. Din wasslet għal valutazzjoni ta’ €12-il miljun. Din kienet riveduta għal €8 miljni wara tibdil propost mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet ta’ dak iż-żmien. It-tliet periti kienu qed jopponu dan it-tnaqqis.

F’Diċembru 2018 il-Fortina għamelt talba għal bdil tal-kundizzjonijiet biex ikun jista’ jsir żvilupp addizzjonali fis-sit. Il-Bord tal-Awtorità tal-Artijiet kien iddeċieda li jsir rapport mill-Awtorità tal-Artijiet.

L-Awditur Ġenerali qal li r-rapport tal-valutazzjoni mit-tliet periti kien ingħadda lill-Fortina iżda m’hemmx informazzjoni kif dan ir-rapport sensittiv fil-fatt ingħadda lill-Fortina. Fl-10 ta’ Ġunju 2019, il-Fortina aċċettaw li jħallsu €8 miljuni biex jitneħħew ir-restrizzjoniiet. Il-Bord tal-Awtorità tal-Artijiet bagħat id-dokumentazzjoni kollha lill-ministru iżda l-ministru ma nvolviex lilu nnifsu.

Ir-rapport wasal għall-konklużjoni li l-ammont fil-valutazzjoni kien €18-il miljun li jiżdied għal €23 miljun. Iċ-Chairman tal-Awtorita tal-Artijiet kien żamm għandu dan ir-rapport. L-NAO ikkonkluda li dak li qal iċ-Chairman meta allega li r-rapport ma kinx sar, kien falz għaliex fil-fatt ir-rapport kien sar.

L-Awditur Ġenerali qal li l-NAO jistabilixxi li d-dħul minn dan il-ftehim kellu jkun iktar u li l-awtoritajiet kellom jinvestigaw dak li seħħ.

L-Awditur Ġenerali qal li l-valutazzjoni tat-tliet periti mqabbdin mill-Awtorità tal-Artijiet ma kinitx dwar is-siti kollha tal-Fortina iżda dwar sit wieħed u għalhekk kien hemm differenza. Id-differenza tirriżulta għaliex it-talbiet tal-Fortina fl-2018 kienu jikkorrispondu ma’ erba biċċiet art iżda l-valutazzjoni mill-Awtorità tal-Artijiet kienet għal parti waħda biss. Dan jirriżulta minn ittra li ntbagħtet mill-Fortina. Il-valur hu differenti għaliex is-sit kiber. It-termini ta’ riferenza inħarġu mill-Awtorità bla ma kienet dokumentata mis-CEO. Għalhekk hemm id-differenza fil-valutazzjoni.

Dwar id-differenzi li kien hemm bejn €8 miljuni għal €21 miljun, l-NAO qal li din ma tistax tkun attribwita għall-metedoloġija iżda għall-kejl. Hu qal li ma jafx kif il-periti jew ditta tal-awdituri tal-Fortina inkludew l-erba’ siti u l-istima ġiet biss €2.7 miljuni. L-NAO qal li kienu għamlu valutazzjoni waħda. L-NAO qal li t-tieni valutazzjoni tal-Awtorità tal-Artijiet ma kinitx skont il-liġi għaliex saret minn kumpanija tal-awditjar u mhux minn periti.