Lokali Parlament

L-UE għandha tibqa’ soda fil-prinċipji, d-dritt internazzjonali u s-sigurtà filwaqt li tirrispetta n-newtralità

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg

L-UE għandha tibqa’ soda fil-prinċipji, d-dritt internazzjonali u s-sigurtà filwaqt li tirrispetta n-newtralità.

Dan sostnih il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg meta kien qed jitkellem fil-parlament wara stqarrija tal-Prim Ministru Robert Abela dwar il-Kunsill Ewropew.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg espriema l-preokupazzjoni tiegħu dwar dak li qed iseħħ fl-Iran fejn qed jinqatlu eluf ta’ ċittadini Iranjani mir-reġim tagħhom stess. Hu espriema wkoll solidarjetà mal-poplu Iranjan.

Il-Kunsill Ewropew sar f’mument delikat fuq livell internazzjonali u ta transizzjoni għall-Ewropa. Għalhekk il-konklużjonijet adottati fi tmiem il-Kunsill jirriflettu l-urġenza tal-isfidi li għandha l-Ewropea u wkoll l-għażliet li se jiddeterminaw ir-rwol tal-Unjoni Ewropea fid-dinja.

Hu qal li sewwa għamel il-Kunsill Ewropew li poġġa l-Ukranija fiċ-ċentru tad-deliberazzjonijiet tiegħu quddiem l-aggressjoni tar-Russja. Il-pakkett ta’ self ta’ €90 biljun juri l-kobor tal-isfidi li hemm quddiem l-Ewropa.

Alex Borg qal li din mhijiex biss kwistjoni ta’ solidarjetà iżda ta’ ordni nazzjonali bbażata fuq regoli u fuq is-sigurtà. Hu appella għal rispett lejn il-politika ta’ sigurtà u difiża speċjalment għall-pajjiżi żgħar. Għal Malta dan hu prinċipju importanti. L-UE għandha tkompli tappoġġja lill-Ukrajina b’responsabbiltà, għall-paċi u r-rikostruzzjoni tal-pajjiż.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar il-Lvant Nofsani jirriflettu tama kawta, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni, li kompla li s-soluzzjoni taż-żewġ stati tibqa’ fundamentali; il-Palestina u Iżrael li jgħixu ħdejn xulxin fil-paċi, fis-sigurtà u fir-rionoxximent reċiproku. Għalhekk ir-rikonoxximent tal-Palestina hu ta’ importanza waqt li l-għajnuna umanitarja għandha tingħata b’mod rapidu u ma tkunx politiċizzata.

Malta dejjem kienet favur id-djalogu u l-protezzjoni tan-nies ċivili, sostna Alex Borg, li kompla li dawn il-prinċipji għandhom ikompli jiggwidaw il-prinċipji tal-UE.

Alex Borg tkellem dwar il-Libanu u enfażizza l-importanza tas-sovranità tal-pajjiż fejn l-armi għandhom ikunu biss għand l-Istat.

Alex Borg qal li Malta hi u għandha tibqa’ newtrali iżda din in-newtralità ma tfissirx nuqqas ta’ impenn minn xi pajjiż iżda kontribuzzjoni permezz tad-diplomazija, reżiljenza u kooperazzjoni internazzjonali. Hu sostna li ftehim dwar il-budget tal-UE hu essenzjali biex ikunu evitati lakuni li jeffettwaw setturi tal-popolazzjoni.

Il-Kap tal-PN sostna li l-UE għandha tkompli tikber iżda dan għandu jibqa’ bbażat fuq il-mertu msejjes fuq is-saltna tad-dritt. It-tkabbir iġib responsabbiltà doppja, sostna Alex Borg, li kompla li minkejja l-progress għad fadal ħafna x’isir. L-UE għanha tikkontrolla sew il-fruntieri bi tqassim ġust tar-responsabbiltajiet b’fehmiet ġenwini mal-pajjiżi tal-orġini u tal-passaġġ.

Il-Kap tal-Oppożiuzzjoni kompla li t-triq ‘il quddiem hi l-impenn Ewropew ibbażat fuq il-ħarsien tal-liġi, ir-rispett lejn in-newtralità u politika barranija imsejsa fuq il-paċi u l-multikulturaliżmu.

Ix-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin Beppe Fenech Adami qal li l-Prim Ministru qal li l-Prim Ministru jitkellem dwar is-sitwazzjoni gravi fl-Iran u sostna li hu dover tal-Prim Ministru li jispjega x’inhi l-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar Greenland. Hu qal li kien ra l-pożizzjoni tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin li għażel li jibqa’ sieket fil-konfront ta’ dak li qed iseħħ fuq pajjiż membru tal-UE, id-Danimarka.

Hu staqsa wkoll dwar l-agrikoltura Maltija u dwar il-vapuri tal-Gozo Channel u jekk il-gvern hux fi proċess biex iġib fondi Ewropew għal dawn il-vapuri.

Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar staqsa x’inhi s-sitwazzjoni tal-komunità Iranjana f’Malta biex dawn iġeddu l-permessi tar-residenza tagħhom. Hu staqsa jekk il-gvern huwiex qed jikkunsidra xi forma ta’ konċessjoni biex dawn il-persuni ma jkollhomx għaliex imorru pajjiżhom bħalissa.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li dawn huma żminijiet diffiċli fil-kuntest ġeo-politiku u sostna li dwar l-Ukrajina kien diskuss l-appoġġ finanzjarju lill-Ukrajina. Hu sostna li Malta hi konvinta li l-UE għandha tibqa’ turi solidarjetà mal-Ukrajina u Malta se tibqa’ tagħti kull għajnuna f’konformità mal-kostituzzjoni. L-ewwel prijorità għandha tkun il-paċi u li d-djalogu jkun faċilitat, sostna l-Prim Ministru, li kompla li l-Ukrajina kienet se tasal fi stat li ma tkunx tistax tħallas għad-difiża tagħha.

Il-Prim Ministru qal li jestendi solidarjeta mal-poplu Iranjan u qal li Greenland mhijiex parti mill-UE. Hu sostna li l-Gvern Malti qed isegwi b’mod attent din is-sitwazzjoni u għad ma kinx hemm dikjarazzjoni uffiċjali mill-UE.

Il-Prim Ministru qal li l-gvern ilu sentejn jiddiskuti l-vapuri tal-Gozo Channel. Hu sosotna li mhuwiex minnu li hemm fondi Ewropew għall-bastimenti għalkemm hemm fondi għal partijiet minnhom.