Lokali

Negozji Maltin li huma storja ta’ suċċess

Storja twila u s-suċċess. Negozji li fi kliem il-Kap tal-PN Alex Borg, jagħtuh aktar kuraġġ biex ikompli jaħdem ħalli dawn l-intrapriżi jiġu mħeġġa jikbru u jkomplu jinvestu f’pajjiżna.

Hekk stqarr Alex Borg meta żar il-fabbrika ta’ Busy Bee fl-Imrieħel, fejn iltaqa’ kemm mad-diretturi tal-kumpanija kif ukoll mal-ħaddiema.

Il-kumpanija Busy Bee bdiet fl-1933, meta Ċensu Friggieri kien fetaħ ħanut żgħir tal-ħelu fl-Imsida.

Illum, il-kumpanija għadha tinsab f’idejn l-istess familja, bit-tmexxija tgħaddi f’idejn in-neputijiet tal-fundatur, l-aħwa Brian u Geoffrey Friggieri, li qed imexxu l-operat tal-kumpanija b’suċċess. Għalkemm preżentament għandhom diversi sfidi; fosthom fejn jidħol ir-riżorsi umani.

Tikkummenta ma’ Net News Diane Ellul

Il-Kap tal-PN minn naħa tiegħu tenna l-impenn li jkompli jisma’ lill-komunità tan-negozji, u jindirizza l-problemi u l-isfidi li qed jaffaċċjaw. Filwaqt li jaħdem biex joffri viżjoni ekonomika li tappoġġja n-negozji lokali u l-ħaddiema Maltin.

Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ix-Shadow Ministers Ryan Callus, Graham Bencini, Jerome Caruana Cilia u Graziella Galea, li kellhom l-opportunità jiltaqgħu mat-tmexxija tal-kumpanija u jaraw mill-qrib il-prodotti lokali offruti mill-Busy Bee.