Newrologu Malti u newrokirurgu Ingliż ma nżammewx responsabbli għad-diżabilità permanenti li pazjenta sofriet f’wiċċha, wara li l-Qorti kkonkludiet li ma nstab ebda nuqqas professjonali fil-mod kif aġixxew fil-kura tagħha.
Il-kawża kienet tressqet quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili mill-mara kontra Dr Anthony Galea Debono, in-newrokirurgu Ingliż James Palmer, kif ukoll kontra s-Supretendent tal-Isptar San Luqa. Il-mara kienet sostniet li sofriet tbatija u konsegwenzi permanenti wara intervent mediku relatat ma’ kundizzjoni newroloġika li, skont tagħha, kienet ġiet iddijanjostikata ħażin.
Fil-provi tagħha, il-pazjenta spjegat li kienet bdiet tħoss uġigħ qawwi u sensazzjoni ta’ ħruq f’wiċċha, u għalhekk kienet fittxet parir mediku mingħand Dr Galea Debono. Skont ix-xhieda, dan kien ikkonkluda li hija kienet qed tbati mill-kundizzjoni magħrufa bħala ‘trigeminal neuralgia’ u beda jikkuraha permezz ta’ diversi mediċini.
Madankollu, dawn it-trattamenti ma tawx ir-riżultat mixtieq, u għalhekk il-pazjenta ġiet riferuta għand in-newrokirurgu Ingliż James Palmer, li jaħdem fin-National Hospital fir-Renju Unit. Il-mara qalet li l-intervent li sar fl-Ingilterra ma rnexxiex u li wara dan wiċċha safa mtarrax, beda jintefaħ u jiħmar, u spiċċat tbati minn diżabilità permanenti.
Hija sostniet ukoll li, wara li fittxet parir ieħor mingħand professjonisti mediċi differenti, ġiet infurmata li fil-fehma tagħhom hija ma kinitx qed tbati mit-‘trigeminal neuralgia’, u għalhekk fetħet il-kawża kontra ż-żewġ tobba.
Il-kawża nstemgħet quddiem l-Imħallef Joanne Vella Cuschieri, li wara analiżi dettaljata tal-provi kollha mressqa, kemm mill-pazjenta kif ukoll mit-tobba konvenuti, ikkonkludiet li ma tressqu ebda elementi li fuqhom setgħet tinżamm responsabbiltà professjonali fil-konfront tagħhom.
Il-Qorti nnutat li d-dijanjożi li ngħatat lill-mara minn Dr Galea Debono u Dr Palmer kienet konsistenti ma’ dik mogħtija minn diversi tobba oħra li raw lill-pazjenta tul is-snin. L-Imħallef semmiet ukoll li wieħed mill-esperti sab li l-mara setgħet kienet qed tbati minn dik li tissejjaħ ‘atypical facial pain’, iżda lanqas hu ma eskluda kompletament il-possibbiltà tat-‘trigeminal neuralgia’.
Ġie osservat ukoll li meta ngħataw id-dijanjożi oriġinali, iż-żewġ tobba ma kellhomx l-istess livell ta’ informazzjoni u għodda dijanjostiċi li huma disponibbli llum, partikolarment fid-dawl tal-iżviluppi fir-riċerka medika u fit-teknoloġija tal-immaġini bħall-MRI, li matul is-snin saru aktar avvanzati u dettaljati.
Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti ddeċidiet li tiċħad it-talba tal-pazjenta u kkonkludiet li la Dr Galea Debono u lanqas Dr Palmer ma jistgħu jinżammu responsabbli għat-tbatija u d-diżabilità li sofriet il-mara.
//= $special ?>

