Opinjoni

Opinjoni: Alex Borg – Stil politiku differenti li se jiddomina sena importanti

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni

Hekk kif issa nibdew qajl qajl inħallu l-perjodu tal-festi warajna, mill-ġdid tibda l-fokus fuq il-politika u l-kwistjonijiet l-aktar importanti li jridu jagħtu dimensjoni ġdida lill-pajjiż. Matul dawn l-aħħar jiem smajt lill-Prim Ministru Robert Abela jiġi intervistat, u bħal dejjem ta l-impressjoni li Malta hija ġenna tal-art – għaliex ekonomikament miexja ’l quddiem. Jidhirli, u dan ġieli kkummentajt dwaru, li għal-Labour kollox jibda u jieqaf mal-ekonomija. Imma, naffermaha spiss, mhux kollox huwa “ekonomija”. Il-politika għandha tmur ħafna aktar lil hinn, għaliex il-politika hija l-qalb li tħabbat f’pajjiż, u bħal ġisem ta’ bniedem – li għandu ħteġijiet oħrajn u diversi apparti s-salarju – il-pajjiż.
Minkejja kull argument allura, ix-xenarju politiku ta’ Malta jinsab għal darb’oħra f’mument kruċjali. Hemm diversi oqsma li jridu attenzjoni immedjata, nibda bl-għoli tal-ħajja u l-piżijiet tal-familji (speċjalment dawk li għandhom dħul baxx jew medju u ma jistgħux jirrevduh u l-familji żgħażagħ li jridu jibdew mill-bidu nett); il-pressjoni dejjem tikber fuq l-infrastruttura għaliex (fl-aħħar proġett li sar fl-Imsida hemm tħassib serju dwar kemm jista’ jsolvi l-problema tal-akkwata); it-tħassib persistenti dwar il-governanza tajba u ġusta għal kulħadd bla ebda favoriżmi (l-aħħar eżempju minn sensiela bint Anton Refalo tingħata appuntament fuq bord li għalih mhix kwalifikata); is-sens dejjem jikber ta’ diżillużjoni (b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ u oħrajn li ma jridux ikunu parteċipi fid-dinja politika lokali); is-servizzi tas-Saħħa (li qed jogħtru taħt id-domanda dejjem tiżdied minħabba l-overpopulation u allura n-nuqqas ta’ staff mediku); is-settur tal-Edukazzjoni (b’diversi nuqqasjiet serji li jibqgħu mwarrba u qatt indirizzati)… F’dan il-kuntest, il-Partit Nazzjonalista għaddej minn perjodu importanti ta’ tiġdid, u bla dubju, persuna li dejjem qed tħalli l-marka tagħha f’din id-diskussjoni hija Alex Borg – il-politiku li qiegħed jagħmel avvanzi sostanzjali fix-xenarju politiku b’mod ġenerali.
L-appell politiku ta’ Borg ma jistrieħx fuq diskorsi bombastiċi jew slogans vojta – il-manija misħuta tal-Gvern: jifqa’ kull vojt bi slogans ripetuti u patetiċi, iżda fuq sforz deliberat, ikkunsidrat u onest biex jerġa’ jwaħħad il-politika mar-realtajiet ta’ kuljum li jaffaċċjaw il-familji Maltin. Immur lura għal dak li kien qiegħed jitkellem dwaru Abela: ir-realtajiet dejjem jiġu mxejna għaliex il-politika tal-Gvern hija dejjem ‘one-size-fits-all’ u kulħadd huwa tajjeb għax l-ekonomija ‘on-paper’ hija tajba! Dik mhix il-politika ta’ Borg – Borg irid jara li jmiss kull faxxa, kull aspett, kull livell. Fix-xhur riċenti, l-interventi tiegħu ffukaw b’mod konsistenti fuq is-sustanza: il-politika, ir-responsabbiltà u l-ippjanar fit-tul (fattur li dan il-pajjiż, dejjem naqas minnu f’dawn l-aħħar snin). Din l-attitudni friska, tindika bidla fit-ton tal-Partit Nazzjonalista – waħda li tqiegħed is-soluzzjonijiet fuq quddiem, aktar minn kollox.
Wieħed mill-aktar modi ċari kif Borg qiegħed jinfluwenza d-direzzjoni tal-PN huwa permezz tal-insistenza tiegħu li s-suċċess ekonomiku għandu jitkejjel mill-kwalità tal-ħajja, u mhux biss minn ċifri ta’ tkabbir fuq il-karta (bħalma spjegajt aktar ’il fuq). L-ekonomija Maltija tista’ tkun qed tikber, iżda ħafna nies qed iħossuhom imwarrbin. Il-problemi veri u attwali jikxfu d-distakk bejn in-narrattiva u l-esperjenza reali tan-nies. Il-kontribut ta’ Borg għad-dibattitu nazzjonali kien li jisfida l-idea li “tmur tajjeb fuq il-karta” huwa biżżejjed, u minflok qiegħed jargumenta favur ekonomija li taħdem tassew għall-ħaddiema, għall-familji u għan-negozji ż-żgħar.
Din l-enfasi fuq il-ġustizzja ekonomika, għalhekk hija marbuta mill-qrib mal-kritika usa’ ta’ Borg lejn politiċi li jħarsu biss lejn l-immedjat: kemm fil-qasam bini, tal-infrastruttura jew tat-tkabbir tal-popolazzjoni. Huwa jenfasizza ripetutament in-nuqqas ta’ ppjanar fit-tul u dan bir-raġun. Iż-żieda rapida – inkwetanti ngħid jien! – fil-popolazzjoni ta’ Malta, imsejsa l-aktar minn għażliet ta’ politika ekonomika (biss!), poġġiet pressjoni kbira fuq it-toroq, is-saħħa l-edukazzjoni, il-housing u s-servizzi pubbliċi. L-interventi ta’ Borg qed jgħinu biex ibiddlu l-argument minn dak ripetut għax hekk drajna ngħidu għal wieħed li jrid ifittex is-soluzzjonijiet: l-Istat għandu d-dmir li jippjana, jantiċipa u jinvesti kif suppost. Din jidher li hija l-viżjoni tal-PN mibnija fuq ir-responsabbiltà u s-sostenibbiltà.Għalkemm dawn it-temi mhumiex ġodda, l-approwċ tiegħu qiegħed jagħtihom urġenza ġdida. Borg sostna kemm-il darba li l-governanza mhijiex kunċett astratt, iżda xi ħaġa li taffettwa direttament il-fiduċja tan-nies fl-istituzzjonijiet, ir-reputazzjoni internazzjonali ta’ Malta, u l-ġustizzja fil-ħajja ta’ kuljum. It-trasparenza, ir-responsabbiltà u istituzzjonijiet li jaħdmu b’saħħithom mhumiex lussu – imma huma kundizzjonijiet essenzjali għal demokrazija li taħdem b’ekonomija reżiljenti.
F’dan is-sens, l-istil ta’ tmexxija ta’ Borg huwa wkoll ġenerazzjonali. Huwa jirrappreżenta ġenerazzjoni ta’ politiċi li aħna dejjem konxji ħafna miċ-ċiniżmu pubbliku nieqes mill-kredibbiltà li fuqu jibni l-politika tiegħu l-Labour. B’hekk, il-PN qiegħed jippreżenta proposti konkreti u jinvolvi ruħu b’mod miftuħ mal-kritika – fl-istess waqt juri maturità politika li ħafna votanti jħossu li ilha nieqsa. Dan huwa partikolarment sinifikanti għaż-żgħażagħ, li ħafna minnhom iħossuhom aljenati mill-politika u xettiċi li l-bidla hija possibbli. Alex Borg, jista’ jirbaħ din il-bruda u dan in-nuqqas ta’ aptit.
Dak li fl-aħħar mill-aħħar jiddistingwi lil Borg mhuwiex biss pożizzjoni politika waħda, iżda l-koerenza tal-viżjoni li jirrappreżenta – u dan huwa nifs ġdid. Il-kontribut tiegħu jissuġġerixxi li l-PN illum huwa inqas reattiv u aktar strateġiku; inqas iffukat fuq l-oppożizzjoni politika u aktar iffukatbiex joffri alternattiva kredibbli. Dan ma jfissirx lil-kritika ma tibqax valida imma tkun imsejsa fuq valuri u proposti li n-nies jistgħu jidentifikaw ruħhom magħhom.It-tiġdid tal-PN mhux se jiddependi fuq individwu wieħed biss – Alex Borg. Jeħtieġ ħidma aktar fil-fond, jeħtieġ riforma interna fil-Partit, u involviment kontinwu mas-soċjetà ċivili. Madankollu, Alex Borg qiegħed iħalli impatt diġà – u dan għadu bidu.
Jekk dan l-istil ikompli jsawwar l-aġenda tal-Parti Nazzjonalista, jista’ jkun li tassew qiegħed jimmarka l-bidu ta’ kapitlu ġdid – mhux biss għall-Partit, iżda għall-politika lokali kollha kemm hi. B’dawn il-ħsibijiet, inħarsu ’l quddiem u nkomplu naħdmu.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 14 ta’  Jannar, 2026.