Opinjoni

Opinjoni: Il-PARTIT LABURISTA – Sinjali ċari li għejja jmexxi

Rebekah Borg
Shadow Minister
għall-Ambjent

Mat-tokki tas-sena l-ġdida kienu ħafna li bdew jaħsbu fir-riżoluzzjonijiet għat-tnax-il xahar li jmiss. Fuq livell personali kollha kemm aħna jkollna l-miri li rridu nilħqu – imma anke bħala Partit nagħmlu tajjeb li nirriflettu ftit fejn irridu naslu.
Għal din is-sena għandna nkomplu fuq it-triq li qbadna u nibnu fuqha. Għaliex hija triq li qiegħda dejjem tqarreb iżjed nies lejn il-familja tagħna billi turi li hemm tama għal politika u futur aħjar għal Malta u Għawdex tagħna. U dan grazzi għall-Kap Alex Borg li l-ħidma tiegħu ma tieqaf qatt. L-enerġija tal-Kap hija unika u hija ċara li l-politika tiegħu hi waħda tan-nies.
Nixtieq ukoll nirringjazzja lil Bernard Grech u lill-Eks Kapijiet kollha tal-Parit Nazzjonalista. Kollha kemm huma ħadmu għal għan wieħed, dak li Malta u Għawdex ikunu aħjar. Aħna kburin bikom kollha u grazzi mhux biżżejjed.

Il-Partit Laburista falz
Matul din is-sena li għaddiet, ilħaqna l-kulminazzjoni tal-għejja mid-diskors politiku tal-Partit Laburista fil-Gvern li ilu jingħad kważi tlettax-il sena. Bosta bdew jindunaw li l-Partit Laburista spiss jitkellem b’mod sabiħ, bħallikieku biex jgħaqqad, imma fil-fatt ġab aktar firda, piki u argumenti.
Ninsabu ferm ’il bogħod mill-utopja tal-meritokrazija u mir-“rivoluzzjoni” fl-ambjent u fl-ippjanar li wegħduna. Bil-maqlub, qed nifhmu dejjem aktar li ċertu deċiżjonijiet ma ġewx meħuda għall-poplu, iżda għal min kien magħżul. U dak li qed ngħixu llum huwa l-konsegwenza tal-prijoritajiet żbaljati.
Imma l-bidu tas-sena għandu jfakkarna f’ħaġa sempliċi: il-politika tajba mhix dik li tagħmel l-iżjed storbju, imma dik li tagħmel differenza. Differenza fil-mod kif tħares lejn pajjiżek. Differenza fil-mod kif tisma’ lin-nies. Fil-mod kif taħdem, b’serjetà u b’rispett, biex l-affarijiet jibdew jimxu aħjar.
Bħala Partit Nazzjonalista, irridu nibqgħu mexjin ’il quddiem. Il-vjaġġ mhux dejjem faċli, u kultant ikun hemm min jipprova jbaxxilek il-moral jew jikkonvinċik li “xejn ma jista’ jinbidel”. Imma min veru jħobb lil Malta u Għawdex ma jaqtax qalbu.
Għax min iħares lejn uliedu, lejn il-familja tiegħu, lejn l-irħula u l-ibliet tagħna, jaf li l-apatija hi l-akbar rigal li tista’ tagħti lil min irid kollox jibqa’ kif inhu. U aħna mhux qegħdin hawn biex inħallu kollox kif inhu imma biex Malta u Għawdex tagħna jkunu aħjar… ħafna aħjar.
It-triq ’il quddiem tfisser li, bħala Oppożizzjoni, nibqgħu nkunu preżenti fuq il-mejda fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet, u nitkellmu b’mod li n-nies jirrelataw miegħu. Tfisser li nkunu kapaċi ngħidu “le” meta jkun hemm bżonn, imma wkoll li nkunu kapaċi nipproponu, nikkoreġu, u nibnu. Il-politika tal-lum ma tistax tibqa’ tħares biss lejn il-propaganda u marketing, imma hemm bżonn li tħares lejn min għandu l-aktar direzzjoni.

L-Ambjent
U l-Ambjent hu l-aktar qasam fejn dan jidher. Tisma’ l-Ministru Miriam Dalli titkellem taħsibha li reġgħet ivvintat ir-rota bil-ftit ġonna daqs naqra li tinawgura. Kull ċans li jkollha tfakkarna fuq kemm qed tagħmel xogħol. Mentri l-ambjent huwa xi ħaġa li n-nies għandha tħoss. Ħadd m’għandu għalfejn jikkonvinċik dwar il-ħafna xogħol li suppost qiegħed isir, għax jekk huwa minnu, suppost tarah u tħossu fil-ħajja ta’ kuljum.
Din it-tip ta’ politika għandna nħalluha warajna. L-ambjent huwa suġġett sempliċi – jikkumplikah biss min irid jitfalek il-bżar f’għajnejk. Jikkumplikah min iridek temmen li l-bidla veru ta’ ppjanar aħjar, ta’ spazji veru miftuħa u ħodor, ta’ estetika isbaħ, bijodiversità rikka, ta’ infurzar ambjentali sura ta’ nies – huma objettivi li ma jistgħux jintlaħqu. Li f’Malta sal-pocket gardens biex insoddu t-toqob biss nistgħu naslu.
Jekk irridu nżommu tama reali għal din is-sena, irridu niffukaw fuq id-differenza fil-ġurnata ta’ kuljum. Kultant nistgħu naħsbu li l-bidla tiġi biss minn proġetti kbar, minn ċerimonji jew minn wegħdiet fuq billboard. Imma l-bidla vera spiss tibda minn affarijiet żgħar u konkreti. Deċiżjoni li tagħti prijorità lill-kwalità tal-ħajja tar-resident.
Bħala Membri Parlamentari naraw kuljum kemm in-nies qed jistennew politika li ma tkunx iddettata mill-interessi tal-ftit imma mill-esiġenzi tal-poplu inġenerali. Nies li jridu zoni residenzjali aktar siguri, isbaħ u aktar kwieti. Nies li jridu spazji miftuħa aħjar, u inqas trab u storbju. Nies li jridu trasparenza: min iddeċieda, għaliex iddeċieda hekk, u x’se jkunu l-infurzar għal min ma jimxix mal-liġi bħal ħaddieħor.

Inkomplu nsaħħu l-politika
U hawn tidħol ir-responsabbiltà tagħna bħala Partit Nazzjonalista: li nkomplu nsaħħu politika li tħares ’il quddiem. Li nibqgħu naħdmu biex l-istituzzjonijiet ikunu b’saħħithom u indipendenti. Li nkomplu npoġġu fuq l-aġenda dak li jolqot lil kull familja: ekonomija li trendi l-ġid għal kulħadd, ambjent aktar nadif, ippjanar aktar raġonevoli, u ħajja ta’ kuljum li tista’ tlaħħaq magħha.
U għal min forsi qiegħed jiddubita jew għejja, ngħid dan biss: it-tama mhijiex li kollox se jinbidel f’daqqa. It-tama hi li, jekk nibqgħu naħdmu b’mod konsistenti taħt id-direzzjoni tal-Kap Alex Borg, nistgħu nibdew inġibu bidla tanġibbli fil-ħajja ta’ kuljum.
Għalhekk, f’din is-sena l-ġdida, l-impenn għandu jkun wieħed: li nibqgħu mexjin ’il quddiem, b’serjetà u b’kuraġġ. Li nkomplu nagħmlu differenza fil-ħajja ta’ kuljum. U li nibqgħu nemmnu li Malta u Għawdex jistħoqqilhom aħjar, u li aħna nistgħu naslu hemm, flimkien.
Nawguralkom is-Sena t-Tajba. U b’ħidma sfieqa li ma taqta’ xejn, nibqgħu mexjin.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 11 ta’ Jannar, 2026.