Andi Blakcori ta’ 24 sena mill-Albanija ngħata probation għal tliet snin u ordni ta’ trattament wara li ammetta sensiela twila ta’ serq u reati relatati mwettqa f’diversi lokalitajiet f’Malta matul Ottubru u Novembru tal-2025. Is-sentenza ngħatat mill-Maġistrat Antoine Agius Bonnici.
Blakcori kien tressaq il-Qorti taħt numru ta’ akkużi li jkopru numru kbir ta’ inċidenti separati, fosthom serq minn stabbilimenti kummerċjali, lukandi u sptarijiet f’San Ġiljan, Ħal Qormi, Ħal Luqa u l-Belt Valletta. L-akkużi inkludew serq ta’ flus kontanti u oġġetti personali, ħsara volontarja lil proprjetà, pussess u użu frawdolenti ta’ karti ta’ pagament mhux fi flus kontanti, pussess illegali ta’ dokumenti ta’ identità ta’ persuni oħra u attentati biex isir użu frawdolenti minn strumenti ta’ pagament misruqa, fosthom karti Revolut.
Il-Qorti nnutat li l-imputat wieġeb ħati għall-akkużi kollha miġjuba kontrih fis-seduta tal-preżentata tiegħu, wara li ġie mwissi b’mod solenni dwar il-konsegwenzi legali tal-ammissjoni tiegħu u ngħata l-opportunità jikkonsulta mal-avukat tiegħu. Minkejja dan, Blakcori kkonferma l-ammissjoni tiegħu.
Waqt is-sottomissjonijiet dwar il-piena, kemm il-prosekuzzjoni kif ukoll id-difiża saħqu li l-imputat kien qed isofri minn vizzji serji ta’ alkoħol u droga, li kienu fattur ewlieni fil-kummissjoni tar-reati. Il-prosekuzzjoni enfasizzat li Blakcori kkoopera mal-pulizija u talbet li tiġi kkunsidrata ordni ta’ trattament, filwaqt li d-difiża talbet li l-piena tkun fil-minimu possibbli sabiex l-imputat ikun jista’ jingħata l-għajnuna meħtieġa.
Il-Qorti ordnat rapport ta’ qabel is-sentenza, li ġie ppreżentat mill-Uffiċjal tal-Probation fis-6 ta’ Jannar 2026. F’dan ir-rapport, l-Uffiċjal irrakkomanda li l-imputat jitqiegħed taħt superviżjoni u jingħata trattament kontra l-abbuż tad-droga u appoġġ psikoloġiku jew psikjatriku, sabiex ikun jista’ jerġa’ jintegra ruħu fis-soċjetà.
Il-Maġistrat qies ukoll li matul il-proċeduri l-imputat wera progress notevoli fl-imġiba u fl-attitudni tiegħu, u li dan kien juri impenn min-naħa tiegħu biex itejjeb is-sitwazzjoni personali tiegħu. Il-Qorti osservat li r-reati twettqu fi żmien meta Blakcori kien għaddej minn diffikultajiet finanzjarji u soċjali serji, aggravati minn vizzji u nuqqas ta’ impjieg, u kkonkludiet li piena karċerarja ma kinitx tkun soluzzjoni adegwata f’dan l-istadju.
Għaldaqstant, il-Qorti sabet lil Andi Blakcori ħati tal-akkużi kollha u qegħditu taħt ordni ta’ probation għal perjodu ta’ tliet snin taħt is-superviżjoni tal-Uffiċjal tal-Probation, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-digriet anness mas-sentenza. Barra minn hekk, ġiet imposta wkoll ordni ta’ trattament għal perjodu ta’ tliet snin, bil-Qorti spjegat lill-imputat l-obbligi u l-konsegwenzi legali jekk jonqos milli jikkonforma mal-kundizzjonijiet imposti.
Il-Qorti ċaħdet it-talba tal-prosekuzzjoni għall-ħlas tal-ispejjeż peritali peress li ma ġew maħtura l-ebda esperti matul il-kawża, u ordnat li l-Avukat Ġenerali jingħata aċċess għall-atti u għas-sentenza skont il-liġi.
//= $special ?>

