Sport

Qormi Daikin komplew b’konsistenza tul dan l-istaġun tal-hockey

Qormi Daikin komplew iżommu l-konsistenza tul dan l-istaġun tal-hockey meta għelbu b’mod komdu lil Floriana Young Stars 4-1.

Ir-rebħa għat-tim immexxi minn Andre Ghio, qatt ma kienet fid-dubju hekk kif fetħu vantaġġ ta’ tliet gowls sa tmiem it-tieni quarter. Minkejja li Floriana naqqsu l-marġni tal-iskor, il-Qriema baqgħu kalmi u żiedu gowl ieħor u ħadu l-punti massimi minn dan il-konfront.

Il-plejer żagħżugħ Luke Bajada u l-Olandiż Tommy Kok skorjaw doppjetta personali filwaqt li Floriana kellhom lil Thimo Hoft li skorja l-gowl ta’ konsolazzjoni.

Umpires kienu Alessandro Amore u Silvio Peralta.

GREE Żurrieq Wolves Hotsticks rebħu l-logħba tagħhom mill-Hockey 7s kontra Rabat bl-iskor ta’ 5-1. David Vella Dingli skorja doppjetta filwaqt li Jayden Cutajar, Nikolai Runza u Stefano Schembri żiedu aktar gowls għaż-Żrieraq. Matthew Buhagiar skorja l-uniku gowl għar-Rabtin. Umpires kienu Keith Calleja u Karl Chircop.