Lokali Qorti

Sentenza sospiża u ordni ta’ trażżin wara ġlieda b’arma

Raġel ta’ 30 sena, imwieled is-Sirja u detentur ta’ passaport Bulgaru, ġie kkundannat għal 24 xahar priġunerija sospiżi għal perjodu ta’ tliet snin wara li ammetta l-akkużi kollha miġjuba kontrih b’rabta ma’ ġlieda li seħħet f’Marsaskala f’Diċembru li għadda.

Mohamad Alyasin Ahmad, ammetta quddiem il-Maġistrat Dr Caroline Farrugia Frendo li fis-26 ta’ Diċembru 2025, għall-ħabta tas-2.30pm. fi Triq iż-Żonqor f’Marsaskala, ħebb għal Aimen El Ghanemi u kkaġunalu offiża ta’ natura ħafifa permezz ta’ strument li jaqta’.

Ammetta wkoll li ġarr sikkina bil-ponta u b’xafra li taqbeż it-tmien ċentimetri mingħajr liċenzja, li insulta u hedded lill-vittma, kif ukoll li għamel użu mhux xieraq minn apparat ta’ komunikazzjoni elettronika u hedded li jwettaq reat permezz tiegħu.

Il-Qorti nnutat li l-imputat ammetta l-akkużi kollha wara li ġie mwissi b’mod solenni dwar il-konsegwenzi ta’ tali ammissjoni. Wara li ngħata l-ħin jikkonsulta mal-avukat tiegħu u jikkontempla mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu, huwa reġa’ kkonferma l-ammissjoni tiegħu quddiem il-Qorti.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti qieset diversi fatturi favur l-imputat, fosthom il-fedina penali netta tiegħu, l-ammissjoni bikrija li ħelset lill-Qorti mill-ħtieġa li tisma’ aktar provi, kif ukoll il-fatt li l-parte civile, Aimen El Ghanemi, kien irrinunzja għal dak kollu li hu rinunzjabbli fil-konfront tal-imputat f’seduta preċedenti.

Għaldaqstant, il-Qorti sabet lill-imputat ħati tal-akkużi kollha u kkundannatu għal 24 xahar priġunerija, li ġew sospiżi għal tliet snin skont il-liġi. Barra minn hekk, ġiet imposta multa ta’ €700 li għandha titħallas immedjatament. Il-Qorti imponiet ukoll ordni ta’ trażżin għal perjodu ta’ tliet snin fil-konfront tal-imputat, biex tiġi żgurata s-sigurtà ta’ Aimen El Ghanemi.

Il-Maġistrat spjegat lill-ħati l-effetti tas-sentenza sospiża u l-konsegwenzi legali f’każ li jikser il-kundizzjonijiet imposti fuqu. Il-Qorti ordnat ukoll li kopja tas-sentenza tintbagħat lill-Avukat Ġenerali, kif ukoll li jiġu rtirati mill-atti l-karta tal-identità u l-passaporti Sirjan u Bulgaru tal-ħati sabiex jibdew il-proċeduri għad-deportazzjoni tiegħu lejn il-Bulgarija. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Kurt Farrugia.