Lokali Qorti

Serq ta’ mutur minn San Ġiljan iwassal għal 27 xahar priġunerija

Raġel ta’ 65 sena, ġie kkundannat għal sentenza ta’ 27 xahar priġunerija wara li ammetta sensiela ta’ reati, fosthom serq ta’ mutur tal-baħar minn San Ġiljan, kif ukoll diversi ksur tat-traffiku mwettqa waqt li kien diġà taħt sentenza sospiża. Is-sentenza ngħatat mill-Qorti tal-Maġistrati, preseduta mill-Maġistrat Donatella M. Frendo Dimech.

Il-Qorti semgħet kif Saviour Gauci nstab ħati li fis-sigħat bikrin tat-8 ta’ Ottubru 2018 seraq mutur tal-għamla Yamaha minn fuq bastiment irmiġġat f’Xatt is-Sajjieda, San Ġiljan. Is-serqa kienet aggravata mill-ħin, il-lok u l-valur, li kien stmat għal €2,329.37. Barra minn hekk, huwa ammetta li f’Jannar 2019 u fix-xhur ta’ qabel saq vettura Peugeot mingħajr polza ta’ assigurazzjoni, mingħajr liċenzja valida u bl-liċenzja mibdula jew sfigurata.

Il-Qorti rat ukoll li dawn ir-reati twettqu waqt li Gauci kien għadu fil-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża ta’ sitt xhur priġunerija, li kienet ingħatatlu fl-2017. Il-Prosekuzzjoni talbet ukoll li l-imputat jiġi ttrattat bħala reċidiv, fid-dawl tal-fedina penali voluminuża tiegħu, talba li l-Qorti qieset fil-valutazzjoni tal-piena.

Waqt is-seduti, l-imputat ammetta l-imputazzjonijiet miġjuba kontrih u l-Qorti żgurat ruħha li din l-ammissjoni kienet waħda volontarja u infurmata, wara li ġie mwissi dwar il-konsegwenzi legali u ngħata ċ-ċans jikkonsulta mal-avukat tiegħu. Wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet, il-Qorti kkunsidrat in-natura serja tar-reati, il-fatt li dawn saru waqt sentenza sospiża, kif ukoll il-problemi psikoloġiċi li jbati minnhom l-imputat, u l-fatt li l-każ imur lura għall-2018.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti kkundannat lil Gauci għal 21 xahar priġunerija, filwaqt li ordnat ukoll li jidħol fis-seħħ it-terminu ta’ sitt xhur priġunerija sospiża, b’konsegwenza li l-imputat għandu jservi total ta’ 27 priġunerija, bi tnaqqis taż-żmien li għamel taħt arrest preventiv. Ġie ordnat ukoll li jingħata trattament għall-vizzju tad-droga u assistenza psikoloġika jew psikjatrika skont il-ħtieġa, filwaqt li s-sentenza ġiet notifikata lid-Dipartiment tal-Probation and Parole.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jonathan Cassar.