Id-Dinja tal-Ispettaklu qed issegwi b’attenzjoni l-iskandlu fejn hemm involut il-kantant famuż Spanjol Julio Iglesias u meta l-każ ilu żmien suġġett għal investigazzjoni.
Dan meta żewġ nisa li kienu impjegati mill-kantant qegħdin jakkużawh dwar aggrediment sesswali u fejn stqarrew li huma kienu umiljati bl-atteġġjament xejn xieraq min-naħa tal-kantant. In-nisa qalu wkoll li huma kemm-il darba kienu spiċċaw insultati filwaqt li suġġetti għal harassment bi skop sesswali min-naħa ta’ Iglesias li, fi kliemhom, kien jittrattahom daqslikieku oġġetti.
In-nisa – ħaddiema domestika u terapista personali li kienu residenti fil-proprjetà ta’ Julio Iglesias fil-Bahamas u r-Repubblika Dominikana – qed jallegaw li l-aggrediment mill-kantant imur lura għas-sena 2021.
Intant, qed jingħad l-allegati attakki fuq in-nisa saru magħrufin fid-dettall wara investigazzjoni ta’ tlett snin immexxija mis-sit tal-aħbarijiet Spanjola elDiario.es u n-network televiżiv Spanjol Univision Noticias. L-entitajiet inkwistjoni, f’dan il-perjodu, kienu ġabru x-xhieda ta’ 15-il eks-impjegat ta’ Iglesias u li kienu jaħdmu għalih bejn l-aħħar tad-disgħinijiet u l-2023.
L-intervisti jalludu għall-kundizzjonijiet inaċċettabbli sfurzati fuq in-nisa u l-atmosfera ta’ tensjoni u biża’ allegatament maħluqa minn Iglesias innifsu Dan waqt li l-kantant ta’ 82 sena kien imfisser bħala ‘persuna li kienet taqbiżlu malajr’.
Iż-żewġ nisa li rrappurtaw dwar l-aggrediment sesswali taħt idejn Julio Iglesias kienu intervistati diversi drabi fuq perjodu ta’ sena u ftit xhur u dejjem baqgħu konsistenti fix-xhieda tagħhom. L-istqarrijiet tagħhom kienu wkoll issostanzjati b’materjal li jinkludi ritratti, messaġġi tal-WhatsApp, rapporti mediċi u dokumenti oħrajn.
Julio Iglesias, li hu wkoll kompożitur, magħruf bħala l-aktar kantant Spanjol li qatt kiseb suċċess fix-xena internazzjonali u fejn, tul is-snin, biegħ aktar minn 300 miljun diska madwar id-dinja. Fost l-aktar suċċessi famużi tiegħu hemm Begin the Beguine, Manuela, Moonlight Lady, Amor u To All the Girls I’ve Loved Before – b’tal-aħħar tkun kollaborazzjoni mal-kantant Willie Nelson.
//= $special ?>

