Mara ta’ 34 sena minn Siġġiewi ġiet miċħuda l-ħelsien mill-arrest wara li wieġbet mhux ħatja għal akkużi relatati mat-traffikar tal-eroina u l-kokaina. Donna Pace tressqet il-Qorti l-Erbgħa waranofsinhar, fejn ġiet akkużata li kellha fil-pussess tagħha drogi f’ċirkostanzi li jindikaw li ma kinux għall-użu personali, b’konfoffa għat-traffikar tad-droga, ħasil ta’ flus u akkużi oħra relatati.
L-Ispettur Jonathan Pace spjega kif lejn l-aħħar ta’ Diċembru ġie eżegwit mandat ta’ arrest fil-konfront tagħha. Meta l-pulizija marru fir-residenza tagħha fis-Siġġiewi, sabu diversi oġġetti relatati mal-użu u t-traffikar tad-droga, kif ukoll numru ta’ pakketti żgħar li kien fihom sustanzi illeċiti. Skont il-pulizija, il-mara qaltilhom li parti mid-droga kienet għall-użu personali tagħha, filwaqt li l-kumplament allegatament kien jappartjeni lil persuna oħra.
Il-pulizija elevaw żewġ mowbajls li kienu fil-pussess tagħha u bagħtuhom għall-analiżi. Pace ngħatat il-police bail sakemm kellha terġa’ tippreżenta ruħha fit-12 ta’ Jannar. Meta reġgħet marret għand il-pulizija, intweriet screenshots li allegatament juru ritratti ta’ sustanza bajda suspettata li hija kokaina, kif ukoll messaġġi bil-vuċi u bil-kitba fosthom frażijiet bħal “Do you like the one from last time? It’s new”, “I have a bit of everything” u “you come down, there are a lot of sharks around here, and probably I will have my property raided”. F’dak l-istadju, il-mara għażlet li teżerċita d-dritt tagħha li tibqa’ siekta.
Oriġinarjament kienet se titressaq il-Qorti nhar it-Tlieta, iżda qabel ma tressqet tilfet is-sensi u ttieħdet għall-kura medika. Hija ġiet rilaxxata mill-isptar l-għada filgħodu u sussegwentement dehret quddiem il-Qorti fejn ċaħdet l-akkużi kollha.
L-Avukat Shaun Zammit talab għall-ħelsien mill-arrest, iżda t-talba ġiet oġġezzjonata mill-prosekutur Julian Scicluna mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Scicluna argumenta li l-akkużata għandha problema ta’ dipendenza fuq id-droga, li ma hemm l-ebda prova li għandha impjieg leġittimu biex issostni lilha nnifisha u lil bintha, u li kienet qed tiġi akkużata wkoll li kisret kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest.
Huwa saħaq li d-distinzjoni bejn min ibigħ id-droga biex iżomm vizzju u min ibigħha għall-profitt ma tnaqqasx il-ħsara li d-droga tikkawża fis-soċjetà. Min-naħa tiegħu, Zammit sostna li d-droga li nstabet kienet għall-użu personali u li l-każ għandu jitqies fid-dawl tal-vizzju tal-akkużata, li skont hu għandha bżonn l-għajnuna aktar milli l-ħabs.
Huwa enfasizza wkoll li l-mara kienet ingħatat il-police bail u kienet obdiet il-kundizzjonijiet imposti fuqha. Wara li semgħet is-sottomissjonijiet, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, billi qieset li ma ġiet ippreżentata l-ebda prova li l-akkużata għandha impjieg leġittimu li bih tista’ ssostni lilha nnifisha u lil bintha.
Il-Qorti osservat ukoll li Pace għandha kundanni preċedenti għal tlajjar u serq aggravat. Ġiet imposta wkoll ordni ta’ ffriżar tal-assi. Is-seduta kienet preseduta mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Julian Scicluna mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, assistit mill-Ispettur Jonathan Pace, filwaqt li l-akkużata kienet assistita mill-Avukat Shaun Zammit.
//= $special ?>

