Il-Labour irid ibellagħhielna li ilu jippjana l-investiment li ħabbar ilbieraħ biex tittejjeb il-konnettività bejn Malta u Għawdex mill-inqas sentejn. Kif jgħidu l-Ingliżi, tell it to the marines!
Jekk ilu sentejn jippjana li jtejjeb il-flotta tal-Gozo Channel b’investiment ta’ €130 miljun, mhux aħjar jispjegalna allura għalfejn spiża daqstant kbira ma ma kinitx inkluża fil-Budget 2026 li ħabbar il-Gvern, jew għalfejn almenu ma ssemietx fil-budget?
Jekk ilu sentejn jippjana dak li ħabbar ilbieraħ, mhux aħjar jgħidilna għalfejn tul dawn is-sentejn li qed jgħidu li ilhom għaddejjin l-istudji ma ssemma xejn li l-Gvern kien qed jaħdem fuq dan il-pjan?
Il-verità hi li l-Labour jinsab f’paniku. U issa li ġejja l-elezzjoni ġenerali, bħalma jagħmel dejjem, jibda jfajjar il-wegħdi u joħroġ bi proposti biex mingħalih jirbaħ il-voti.
Hija ħasra li f’dan il-każ ma kellux id-diċenza jammetti li fil-paniku li qabdu biex jidher li qed jagħmel xi ħaġa favur Għawdex u l-Għawdxin, kulma għamel kien copy and paste tal-proposti li ilu jitkellem dwarhom il-Partit Nazzjonalista għat-titjib tal-konnettività bejn Malta u Għawdex.
Proposti li l-Oppożizzjoni ilha tressaq ’il quddiem snin sħaħ, u li dwarhom tkellem ukoll kemm-il darba l-Kap tal-PN Alex Borg kemm ilu fil-kariga.
Li kieku l-Gvern Laburista sema’ minn dak li ilha tipproponilu l-Oppożizzjoni, kieku diġà qed ingawdu minn servizz modern bejn Malta u Għawdex kif jixraq lill-Għawdxin u l-Maltin fiż-żminijiet tal-lum. Imma issa se jkollna nistennew sal-2029 biex ikollna s-soluzzjoni, meta kieku ħasbu għalihom, is-soluzzjoni qiegħda f’idejna llum.
Naturalment, aħjar tard milli qatt. Anke jekk 13-il sena tard.
//= $special ?>

