Sport

Fabio Paratici se jħalli lil Tottenham u jingħaqad ma’ Fioretina

Tottenham ikkonfermaw li Fabio Paratici, id-direttur sportiv ta’ Tottenham, se jitlaq mill-klabb fl-aħħar ta’ Jannar.

Paratici se jingħaqad ma’ Fiorentina fis-Serie A fi tmiem tas-suq tat-trasferimenti ta’ Jannar, tliet xhur biss wara li kien irritorna mal-Lilywhites.

L-eżekuttiv Taljan kien telaq minn Spurs f’April tal-2023, meta hu kien sospiż mill-futbol għal sentejn u nofs, minħabba l-involviment tiegħu fil-każ ta’ Juventus li kien qed jiġi investigat mill-Qorti Sportiva fl- Italja. Madankollu, huwa rritorna f’Ottubru li għadda biex jaħdem flimkien mad-direttur sportiv Johan Lange.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Tottenham Vinai Venkatesham spjega li Paratici esprima xxewqa li jerġa’ jirritorna f’pajjiżu, u għalhekk intlaħaq ftehim li jiltaq fl-aħħar ta’ dan ix-xahar. Huwa rringrazzjah għall-kontribut tiegħu u sostna li l-istruttura maniġerjali tal-klabb ta’ Tottenham tibqa’ waħda soda minkejja dawn il-bidliet.

Min-naħa tiegħu, Paratici qal li Tottenham huwa klabb qrib ħafna għal qalbu u wera fiduċja li l-proġett ta’ Tottenham se jkompli jirnexxi fit-tul.

Fabio Paratici kien ingħaqad oriġinarjament ma’ Tottenham fis-sajf tal-2021. Fl-irwol tiegħu bħala Direttur Sportiv ta’ Tottenham, Paratici kien akkwista l-firma tad-difensur u l-captain attwali ta’ Tottenham Cristian Romero għas-somma ta’ €48m. Ma’ dawn kien hemm ukoll l-akkwist tad-difensur laterali Pedro Porro, il-midfielder Rodrigo Bentancur, u ankè l-attakkant Richarlison.