Lokali

Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara


Nhar il-Ħadd 18 ta’ Jannar, l-Insara kollha madwar id-dinja jiċċelebraw il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara li tintemm nhar il-Ħadd 25 ta’ Jannar 2026. F’Malta se jsir Servizz Ekumeniku Djoċesan nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Jannar 2026 fis-6:30pm fil-Bażilika ta’ San Pawl fir-Rabat. Dakinhar jieħdu sehem il-mexxejja ta’ Knejjes oħra, Ortodossi u Protestanti, li jinsabu f’pajjiżna.

Is-servizz se jitmexxa mill-Arċisqof Charles Scicluna, waqt li r-riflessjoni se ssir mill-Isqof Andrej tad-Djoċesi Serba Ortodossa tal-Italja, l-Iżvizzera u Malta.

Matul din il-ġimgħa l-Knejjes differenti jingħaqdu għal talb ekumeniku biex isseħħ l-għaqda fost l-Insara. It-tema li ntagħżlet għal din is-sena hi meħuda mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin: “Hemm ġisem wieħed u ruħ waħda, l-istess kif kontu msejħa għal tama waħda” (Ef 4:4) It-tema u l-materjal għat-talb ta’ din is-sena tħejja minn grupp ekumeniku fl-Armenja.

Hu d-dover ta’ kull Nisrani li jitlob għall-għaqda fost il-Knejjes mifrudin. Dan l-impenn ekumeniku hu parti mill-missjoni tal-Knisja, l-aktar minn żmien il-Konċilju Vatikan II. Kulħadd hu mistieden għas-Servizz Ekumeniku Djoċesan, li jdum madwar siegħa.