Internazzjonali

Greenland: Differenzi perikolużi bejn l-Ewropa u Trump… fost it-theddida għall-futur tan-NATO

Kompla jikber id-diżgwid bejn il-pajjiżi Ewropej, membri tan-NATO u l-Istati Uniti dwar il-kwistjoni ta’ Greenland… dan waqt li l-President Amerikan, Donald Trump, qed ikompli jindika li ‘xejn u ħadd’ ma jista’ jwaqqfu milli jieħu kontroll ta’ dik il-gżira semiawtonoma li tifforma parti mir-Renju tad-Danimarka.

Is-sitwazzjoni – speċjalment wara l-aħħar żviluppi – kompliet iżżid il-potenzjal għal konfront militari, fil-ġejjieni, bejn il-qawwiet Amerikani u s-suldati tal-Istati tan-NATO li huma alleati ta’ Washington…. xenarju inkredibbli li ħadd ma seta’ jobsor sa anqas minn sena ilu.

Sadanittant, Franza u pajjiżi Ewropej oħrajn qed jibagħtu l-kontinġenti militari lejn Nuuk, il-kapitali ta’ Greenland, u li għalissa se jkunu involuti f’missjoni ta’ moniteraġġ u sorveljanza fit-territorju li jinsab fir-reġjun tal-Artiku.

F’din il-missjoni qed jieħdu sehem ukoll il-militar mir-Renju Unit, il-Ġermanja, l-Iżvezja u n-Norveġja .

Fl-istess ħin, l-istazzjonar tas-suldati fi Greenland, matul il-jiem li ġejjin, għandu jkun appoġġjat bl-ajruplani militari, flimkien mal-bastimenti navali.

Din il-missjoni – fost it-tensjoni storika bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti – qed twassal ukoll messaġġ politiku qawwi lil Donald Trump… messaġġ li l-Ewropa u n-NATO jinsabu preżenti u lesti għal kwalunkwe żvilupp fl-issue ta’ Greenland.

Sadanittant, jeżistu ‘differenzi fundamentali’ bejn id-Danimarka u Greenland fuq naħa, u l-Istati Uniti fuq in-naħa l-oħra… diżgwid li deher ovvju wara l-laqgħat ta’ nhar l-Erbgħa f’Washington bejn il-Viċi-President Amerikan, JD Vance; il-Ministru Daniż għall-Affarijiet Barranin, Lars Lokke Rasmussen u l-Ministru ta’ Greenland bl-istess dekasteru, Vivian Motzfeldt.

Rasmussen, wara, qal li minkejja t-taħditiet kostruttivi fil-kapitali Amerikana ma jidhirx li hemm bidla fil-pożizzjoni tal-Istati Uniti dwar Greenland – u fejn hu kkritika l-attentati ta’ Donald Trump biex, litteralment, jixtri dan it-territorju.

Il-President Amerikan għadu jinsisti li l-Istati Uniti bilfors li trid tieħu Greenland taħt idea għas-sigurtà nazzjonali. U waqt li Trump tenna l-ħsieb li ‘jista’ jirranġa xi ħaġa mad-Daniżi’, hu, mill-ġdid, ma ċaħadx għall-possibbiltà li juża l-forza militari biex jieħu l-kontroll tal-gżira.

L-aktar kumment ta’ Trump li qed jallarma lill-Ewropa kien wieħed ċar fis-sens li ‘id-Danimarka ma tista’ tagħmel xejn f’sitwazzjoni fejn ir-Russja jew iċ-Ċina jridu jokkupaw Greenland –  u meta l-Istati Uniti, għall-kuntrarju, kapaċi tirrikorri għal kollox’. F’dan il-kuntest, hu semma l-eżempju tal-kapaċitajiet militari tal-Amerikani waqt ir-rejds ta’ jiem ilu fil-Veneżwela’.

Fl-aħħar sigħat ukoll, il-Prim Ministru Pollakk, Donald Tusk, qal li l-Polonja mhix qed taħseb biex tissieħeb fid-deployment militari tal-Ewropa fl-artijiet ta’ Greenland, iżda, fl-istess ħin, wissa li kwalunkwe inkursjoni militari tal-Amerikani fil-gżira għandha tfisser ‘diżastru politiku’ minbarra li tkun ukoll ‘musmar fit-tebut tan-NATO’.

Ir-Russja, sadanittant, qed takkuża lin-NATO b’li qed tibni preżenza militari fir-reġjun tal-Artiku ‘taħt l-iskuża falza li l-Alleanza tinsab taħt theddida diretta u akbar min-naħa ta’ Moska u ċ-Ċina.’