Il-ġurin ta’ Noel Azzopardi li allegatament spara u qatel lil Eric Borg ta’ 27 sena, fir-Rabat, Malta fl-ewwel tas-sena ta’ sentejn ilu riesaq lejn tmiemu hekk kif ix-xhieda kollha eżawrew id-dispożizzjonijiet tagħhom fil-Qorti, li kienu jinkludu wkoll il-psikjatri li lkoll qalu li l-kundizzjoni tal-akkużat ma kienx fi stat normali.
Il-ġurin li beda nhar it-Tnejn qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Neville Camilleri, fejn il-ġurati jridu jiddeċiedu jekk l-akkużat kienx f’sensih fil-mument tal-isparatura. Wara s-sottomissjonijiet tad-difiża u dawk tal-prosekuzzjoni, l-Avukat Arthur Azzopardi beda l-kontroreplika għan-nom tal-akkużat.
Quddiem il-Qorti Kriminali diġà ħareġ kif Azzopardi fil-jum tad-delitt lemaħ karozza ħdejn l-għelieqi, niżżel il-ħġieġa tal-karozza tiegħu u l-vittma allegatament qallu kliem ta’ theddid. Azzopardi qallu wkoll li kien konxju li spara lejn Borg u ta’ dak li għamel, għax kien jemmen li l-vittma “illum jew għada” kien se jagħmillu xi ħaġa.
Issemma’ wkoll episodju fejn darba ra lil xi ħadd f’karozza jiċċassa lejh, li kkontribwixxa għall-biżgħat tiegħu. Dr Cassar qal li l-imputat infurmah li kien imur għand psikjatra kull erba’ xhur u li kien ilu jieħu mediċina waħda kuljum, iżda dak iż-żmien ma kienx għadu qed jeħodha.
Ħareġ ukoll li Azzopardi kien għamel ukoll xi żmien l-isptar Monte Carmeli qabel l-omiċidju u li l-ħsibijiet ta’ dwejjaq u kellu kienu wkoll ħsibijiet suwiċidali, filwaqt li meta kellu 13-il sena kien għadda minn operazzjoni għal tumur.
Azzopardi stqarr ukoll mal-psikjatri li kien jisma’ vuċijiet meta ma jkun hemm ħadd miegħu u li kien daħħal f’rasu li xi ħadd ried iweġġgħu. Skont Dr Cassar, dawn l-elementi kollha kienu juru li kien hemm evidenza ċara ta’ paranojja fil-ħsibijiet tal-imputat.
Il-ġurin daħal fir-raba’ jum u li qed jinstema’ f’Awla 29, il-ġurati se jkunu qed jiddeterminaw jekk Noel Azzopardi, akkużat bil-qtil ta’ Eric Borg, għandux jgħaddi ġuri, hekk kif se tkun determinata s-saħħa mentali tiegħu. Eric Borg, kien inqatel fi Triq il-Fidloqqom, fl-inħawi tan-Nigret, fir-Rabat.
Il-każ qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Neville Camilleri u għall-akkużat qed jidhru l-Avukati Arthur Azzopardi u Nicole Vassallo. L-Avukati Kevin Valletta u Kylie Bonett qed imexxu l-Prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukat Joe Giglio qed jidher bħala parte civile fil-każ għan-nom tal-famijari tal-vittma.
//= $special ?>

