Lokali

“Il-PN determinat biex jegħleb l-isfidi ta’ pajjiżna” – Alex Borg

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg sostna li Malta għandha bżonn tmexxija serja u responsabbli biex taffaċċja sfidi nazzjonali u internazzjonali li dejjem qed jikbru.

Fl-indirizz tiegħu lill-ambaxxaturi u konsli akkreditati, waqt l-iskambju tal-awguri tal-bidu tas-sena ġdida, il-Kap tal-Partit Nazzjonalist ddeskriva s-sena 2025 bħala waħda fejn il-Partit Nazzjonalista saħħaħ il-pożizzjoni tiegħu bħala “gvern alternattiv kredibbli” – lest biex jieħu responsabbiltà u jaġixxi b’mod serju għall-isfidi kbar li qed jiffaċċjaw pajjiżna.

Alex Borg tkellem dwar il-prijoritajiet ewlenin ta’ pajjiżna – inkluż il-protezzjoni tal-ambjent, it- tkabbir ekonomiku sostenibbli, u li tiġi indirizzata l-għoli tal-ħajja. Huwa qal li l-protezzjoni tal-art u l-kosta ta’ Malta huwa “obbligu nazzjonali”, u li l-prosperità ekonomika trid tkun reżiljenti, inklussiva, u bbażata fuq il-kwalità aktar milli fuq il-kwantità.

Fil-messaġġ tiegħu hu radd ħajr lin-Nunzju, l-Arcisqof Savio Hon Tai-fai – li jservi bħala id-Dekan tal-Korp Diplomatiku.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, ikkonferma mill-ġdid il-pożizzjoni pro-Ewropea tal-Partit Nazzjonalista. Hu qal li l-futur ta’ Malta huwa b’saħħtu fl-Ewropa, u li l-prosperità, is-sigurtà u l-valuri ta’ Malta jiddependu fuq Unjoni Ewropea b’saħħitha u magħquda.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, qal li gvern ġdid Nazzjonalista jibqa’ jkun sieħeb kostruttiv tal-UE filwaqt li jiddefendi l-interessi nazzjonali, partikolarment fuq il-migrazzjoni, l-enerġija u l-politika tal-klima.


Hu qal li Malta se żżomm relazzjonijiet bilaterali b’saħħithom u tkompli tilgħab rwol importanti internazzjonalment – immexxija mid-diplomazija, u s-Saltna tad-Dritt.


Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista esprima t-tama għall-paċi fl-Ukrajna u l-Lvant Nofsani. U saħaq dwar l-importanza ta’ paċi, stabbiltà u ħbiberija dejjiema bejn il-pajjiżi kollha.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg, kien akkumpanjat, mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Perici Calascione, is-Segretarju Ġenerali Charles Bonello, is-Segretarju Internazzjonali Beppe Galea, ix-Shadow Minister għall-Affarjiet Barranin, Beppe Fenech Adami, it-Teżorier Veronica Perici Calascione u l-professur Mary Ann Lauri, President tar-Ricerka Politika.