Id-dejn ta’ pajjiżna qed ikompli jiżdied xahar wara l-ieħor u jilħaq rekords ġodda.
L-aħħar ċifri dwar il-finanzi tal-gvern ippubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) għat-tielet kwart tas-sena li għaddiet juru li d-dejn issa laħaq il-livell ta’ €11,215 miljun. Din iċ-ċifra ta’ aktar minn 11-il biljun ewro f’dejn hija ekwivalenti għal kważi €28,000 f’dejn għal kull ċittadin Malti u Għawdxi.
Malta tinsab fi Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv li daħħalna fiha l-Gvern Laburista f’Lulju tas-sena 2024. Dan minkejja li f’April li għadda, il-Ministru tal-Finanzi kien ftaħar li Malta se toħroġ minn din il-proċedura kmieni.
Il-PN fi stqarrija qal li l-livell qawwi ta’ dejn li għabba lill-poplu bih Robert Abela, ifisser li Abela, f’sena waħda biss, irnexxielu joħloq €1,050 miljun f’dejn ġdid, jiġifieri iktar minn biljun ewro. Ifisser ukoll li kemm ilu li sar Prim Ministru, Robert Abela ddejjen aktar mill-Prim Ministri kollha ta’ qablu, Laburisti u Nazzjonalisti, flimkien.
L-istqarrija tax-Shadow Ministers Adrian Delia u Jerome Caruana Cilia tgħid li l-politika ta’ Gvern Laburista, id-dejn se jkompli jirranka fis-snin li ġejjin biex sal-2028, nilħqu rekord ġdid ta’ aktar minn €14-il biljun. Dan ikun ifisser li filwaqt li sa issa Robert Abela għamel id-doppju tad-dejn li għamlu ta’ qablu, sa tliet snin oħra, se jkun ittrippla d-dejn.
Maż-żieda fid-dejn rekord, jiżdied ukoll rekord ieħor, dak tal-imgħax li qed ikollna nħallsu mit-taxxi tagħna fuq id-dejn tal-gvern. Dan jammonta għal kważi miljun ewro kuljum.
Il-Kunsill Fiskali Konsultattiv tal-Gvern, grupp ta’ esperti maħtura mill-Ministru għall-Finanzi bl-għan li jevalwaw il-politika finanzjarja u ekonomika tiegħu, ftit ilu wissa li l-infiq tal-Gvern se jpoġġi lil pajjiżna f’qagħda vulnerabbli, u appellalu biex isaħħaħ il-finanzi pubbliċi ta’ pajjiżna.
Il-Gvern qed ikompli jżid id-dejn u l-iżbilanċ minkejja li llum kulħadd qed jirrikonoxxi li xorta mhu qed isir xejn biex jiġu indirizzati l-akbar problemi tal-pajjiż, fosthom l-għoli tal-ħajja li kompla jiżdied, problemi fil-qasam tal-infrastruttura, konġestjoni tat-traffiku ma taqta’ xejn, tniġġis fl-ibħra tagħna u kjuwijiet dejjem jitwalu fl-isptarijiet.
U waqt li l-iżbilanċ fil-finanzi tal-gvern u d-dejn ta’ pajiżna jkomplu jiżdiedu bla kontroll, u l-imgħax fuq id-dejn ikompli tiela’, il-Ministri u sħabhom viċin il-Gvern ikomplu jitħanżru, l-infiq bl-addoċċ ikompli għaddej, waqt li jkompli ħerġin dejjem aktar skandli li huma xhieda ta’ Gvern li għeja, u li tilef kull kontroll fuq ir-riedni tal-pajjiż.
//= $special ?>

