Il-Qorti ddeċidiet li tressaq ’il quddiem id-data meta Ronnie Azzopardi, magħruf bħala “is-Sufu”, jista’ japplika għall-parole, wara li kkonkludiet li l-projbizzjoni ġenerali fil-liġi Maltija li tipprekludi lill-priġunieri kkundannati għal għomor il-ħabs milli jkollhom aċċess għall-parole tmur kontra l-liġi Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem.
Ronnie Azzopardi, illum ta’ 54 sena, kien instab ħati f’Marzu tal-2013 bil-qtil ta’ Angela Bondin, li mietet fl-2005 wara li splodiet bomba li Azzopardi kien poġġa taħt karozza u splodaha mill-bogħod. Għal dan ir-reat kien ingħata sentenza ta’ għomor il-ħabs, mingħajr il-possibbiltà tal-parole.
Fl-2019, wara appell, il-Qorti Kriminali tal-Appell kienet ikkonfermat is-sentenza ta’ għomor il-ħabs iżda kienet fetħitlu l-bieb biex japplika għall-parole wara 30 sena, bil-perjodu jibda jgħodd mid-data tas-sentenza tal-appell.
Permezz tal-avukati tiegħu, Azzopardi fetaħ kawża ġdida fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-31 ta’ Mejju 2024, fejn allega ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu, b’mod partikolari d-dritt għal protezzjoni kontra trattament inuman u degradanti. Il-kawża saret kontra diversi awtoritajiet tal-Istat, fosthom il-Prim Ministru, il-Ministru tal-Ġustizzja, il-Ministru tal-Intern u d-direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Henri Mizzi, iddikjarat li f’dan il-każ l-unika parti responsabbli biex twieġeb għal allegat ksur tad-drittijiet tal-bniedem kienet l-Avukat tal-Istat, u għalhekk ħelsiet lill-partijiet l-oħra mill-proċeduri. Ġie wkoll stabbilit li d-dritt għal smigħ xieraq ma kienx applikabbli, peress li l-ilment kien relatat mas-sentenza u mhux mal-mod kif sar il-proċess kriminali.
Il-Qorti qablet li, skont l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza ta’ għomor il-ħabs trid toffri prospett reali ta’ libertà u mhux tama vaga. F’dan il-kuntest, ġiet ikkritikata l-liġi Maltija li tgħid li persuni kkundannati għal għomor il-ħabs ma jistgħux ikunu eliġibbli għall-parole, għax din tmur kontra l-istandards Ewropej.
Madankollu, il-Qorti osservat li l-Qorti Kriminali tal-Appell kienet diġà indirizzat dan in-nuqqas billi tat lil Azzopardi l-possibbiltà li japplika għall-parole wara 30 sena. Għalhekk, ma setax jingħad li hu kien mingħajr prospett prattiku ta’ libertà.
Il-Qorti ċaħdet it-talba ta’ Azzopardi li l-perjodu ta’ 30 sena jibda jgħodd mill-arrest tiegħu fl-2005, peress li rriżulta li ma kienx miżmum kontinwament arrestat, u fil-fatt kien ingħata l-ħelsien mill-arrest fl-2007. Minflok, il-Qorti ddeċidiet li l-ksur tad-drittijiet tiegħu beda fil-mument tas-sentenza ta’ għomor il-ħabs fl-2013, u għalhekk ordnat li l-perjodu ta’ 30 sena jibda jgħodd minn dak il-mument.
Dan ifisser li Ronnie Azzopardi jkun eliġibbli biex japplika għall-parole f’Marzu tal-2043, meta jkollu madwar 72 sena. Il-Qorti nnutat li sa dak iż-żmien hu jkun qatta’ madwar 25 sena effettivi l-ħabs, perjodu li tqies konsistenti mal-istandards internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem.
F’kawża simili deċiża f’Novembru 2025, qorti oħra kienet iddeċidiet li raġel kkundannat għal għomor il-ħabs wara li qatel pulizija waqt serqa f’bank f’Ħal Qormi għandu wkoll id-dritt li japplika għal rieżami tas-sentenza tiegħu, deċiżjoni li l-Gvern ħabbar li se jappella.
Ronnie Azzopardi kien irrappreżentat mill-avukati José Herrera u David Camilleri, filwaqt li l-Avukat tal-Istat kien rappreżentat minn Maurizio Cordina.
//= $special ?>

