“Irridu nkomplu nagħtu dinjità u ninvolvu lill-anzjani fis-soċjeta sabiex verament jgħixu l-ħajja ta’ kwalita li jixraqilhom.”
Hekk sostna il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg, f’attività li organizzat l-APAN bit-tema l-‘anzjani jistaqsu’ – fejn il-pensjonanti staqsew lil Alex Borg numru ta’ domandi dwar sfidi li qed jaffaċċjaw ta’ kuljum u kif gvern ġdid Nazzjoanlista se jkun qed jindirizza wkoll sitwazzjonijiet oħrajn li qed iħallu impatt fuq pajjiżna.
Matul din l-attività ġew diskussi numru ta’ temi, fosthom, is-servizz tat-trasport pubbliku u t-trasport tal-massa, l-infrastruttura, l-IVF, il-pensjoni, il-midja soċjali, l-AI, l-anzjanità attiva, u l-popolazzjoni, fost ħafna l-oħrajn.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, semma’ wkoll uħud mill-proposti tal-Partit Nazzjonalista għall-Programm Elettorali, u l-Konvenzjoni Nazzjonali li se toffri spazju lill-persuni kollha sabiex iressqu l-ħsibijiet tagħhom.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li hekk kif ma’ kull ġurnata li tgħaddi dejjem qed noqorbu lejn l-elezzjoni ġenerali … se jkompli jiltaqa’ man-nies fid-djar, fil-każini, fil-pjazzez u f’kull belt u raħal sabiex ikompli jaċċerthom li l-Partit Nazzjonalista, kapaċi jkun gvern alternattiv li jagħti serħan il-moħħ.
Għal din il-laqgħa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, kien akkumpanjat mix-Shadow Minister għall-Anzjanità Attiva, Paula Mifsud Bonnici.








