Raġel ta’ 44 sena minn Wied il-Għajn u tfajla ta’ 25 sena mill-Mosta ngħataw il-ħelsien mill-arrest wara li kienu tressqu l-Qorti b’rabta ma’ ġlieda li seħħet f’bar fil-Ħamrun fl-ewwel sigħat tal-1 ta’ Jannar, li fiha weġġgħu gravi żewġt irġiel. Huma kienu tressqu fl-4 ta’ Jannar u nżammu arrestati.
Ir-raġel huwa Darren Galea, direttur ta’ kumpanija, filwaqt li t-tfajla ma taħdimx. Isimha ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti minħabba li għandha żewġt itfal minorenni. It-tnejn qed iwieġbu mhux ħatja għall-akkużi li, fl-1 ta’ Jannar f’bar fi Triq il-Kbira San Ġużepp, ikkaġunaw ġrieħi gravi lil wieħed mill-irġiel, filwaqt li Galea waħdu jinsab mixli wkoll li kkaġuna ġrieħi gravi lir-raġel l-ieħor, li kellu arma u li allegatament huwa reċidiv.
Meta tressqu, l-Qorti semgħet kif fis-sigħat bikrin tal-Ewwel tas-Sena waslet telefonata fl-Għassa tal-Ħamrun dwar ġlieda f’bar, b’rapport li kien hemm persuna feruta, possibbilment b’daqqa ta’ sikkina. Pulizija li kienu fuq ronda marru minnufih fuq il-post, fejn sabu raġel ferut, demm u kanna tal-ħadid mal-art.
Ir-raġel ingħata l-għajnuna medika u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza. Aktar tard irriżulta li anke raġel ieħor ittieħed l-isptar, bit-tnejn li huma jiġu ċċertifikati li sofrew ġrieħi gravi. Il-pulizija ġew infurmati li l-allegat aggressur kien Galea, flimkien ma’ persuna oħra, u li allegatament iż-żewġt irġiel intlaqtu b’kanna tal-ħadid.
Minn filmati tal-kameras tas-sigurtà tal-bar deher raġel u mara deħlin fil-bar b’kanna f’idejhom, li ġew identifikati bħala ż-żewġ akkużati. Dakinhar stess inħareġ mandat ta’ arrest, u l-għada Galea u t-tfajla marru minn jeddhom fl-Għassa tal-Ħamrun wara li saru jafu li kienu qed jiġu mfittxija, fejn ġew arrestati.
Il-Qorti tal-Maġistrati, ippreseduta mill-Maġistrat Lara Lanfranco, laqgħet ir-rikorsi mressqa minn Darren Galea u l-mara u ordnat li t-tnejn jingħataw il-ħelsien mill-arrest taħt kundizzjonijiet stretti. Fid-deċiżjoni tagħha mogħtija l-Ħamis, il-Qorti qieset li d-deposizzjonijiet tal-parti ċivili diġà jinsabu preservati fl-atti tal-inkjesta li għad trid titressaq fil-proċedura, u li hemm ukoll provi oħra li diġà ġew ippreservati u kkonfermati miż-żewġ naħat.
Ġie nnutat ukoll li x-xhieda pajżana li għad fadal x’aktarx ma jġibux informazzjoni ġdida sostanzjali lil hinn minn dik li diġà tinsab quddiem il-Qorti. Il-Maġistrat sostniet li s-serjetà tal-akkużi, waħedha, mhijiex biżżejjed biex tiġġustifika ċ-ċaħda tal-ħelsien mill-arrest, u li mill-valutazzjoni taċ-ċirkostanzi personali tal-imputati ma rriżultax li hemm raġunijiet impellenti li jqajmu tħassib li dawn ma josservawx il-kundizzjonijiet imposti fuqhom.
Fir-rigward ta’ Darren Galea, il-Qorti ordnat li hu jinħeles mill-arrest bil-kundizzjoni li jiddepożita s-somma ta’ €5,000 u jagħti garanzija personali ta’ €10,000. Huwa obbligat jidher għal kull seduta tal-Qorti, ma jsieferx minn Malta u jiddepożita d-dokumenti tal-identità tiegħu. Ġie pprojbit ukoll milli jersaq jew jikkomunika, direttament jew indirettament, mal-vittmi u x-xhieda, kif ukoll milli jmur fl-istabbiliment Feel Lounge fil-Ħamrun.
Barra minn hekk, Galea għandu jirrapporta kuljum fl-Għassa tal-Ħamrun u josserva curfew li jobbligah jibqa’ fid-dar tiegħu bejn id-disgħa ta’ filgħaxija u s-sitta ta’ filgħodu. Il-mara ngħatat ukoll il-ħelsien mill-arrest taħt kundizzjonijiet simili, bil-Qorti tordna li hi tħallas depożitu ta’ €3,000 u tipprovdi garanzija personali ta’ €12,000.
Hija trid tirrapporta kuljum fl-Għassa tal-Mosta, tosserva curfew fl-indirizz indikat tagħha u ma tavviċinax jew tikkomunika ma’ ebda xhud jew mal-parti ċivili. Anke fil-każ tagħha, ġiet imposta projbizzjoni milli tmur fl-istess stabbiliment fil-Ħamrun.
Il-Qorti wissiet li kwalunkwe ksur ta’ dawn il-kundizzjonijiet iwassal għat-telf immedjat tal-ħelsien mill-arrest, il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest u l-konfiska tas-somma totali ta’ €15,000 favur il-Gvern.
Fl-istess ħin, il-Maġistrat fakkret li tibqa’ fis-seħħ l-ordni ta’ protezzjoni li kienet inħarġet fl-4 ta’ Jannar 2026 mill-Maġistrat Abigail Critien favur iż-żewġ vittmi, Alan Farrugia u Christian Cassar, liema ordni se tibqa’ tapplika tul il-proċeduri kollha.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Manuel Grech mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispetturi Wayne Bonello u Sarah Kathleen Zerafa. Għall-akkużati qed jidhru l-Avukati Jacob Magri u Arthur Azzopardi.
//= $special ?>

