Lokali Qorti

Kumpens ta’ €5,000 wara li l-Gvern kiser id-drittijiet fundamentali ta’ minorenni li talab ażil

Qorti ddeċidiet li l-Gvern kiser id-drittijiet fundamentali ta’ minorenni li kien qed jitlob ażil meta żammu illegalment f’detenzjoni u f’kundizzjonijiet ħżiena, u ordnat li jitħallas kumpens ta’ €5,000. Il-Qorti sabet li Ayoubah Fona, ċittadin Liberjan, kien miżmum illegalment f’detenzjoni fl-2021 minkejja li kien minorenni u minkejja li kien diġà meħlus medikament.

Fona kien ħarab mil-Liberja fl-2021 u vvjaġġa lejn il-Libja qabel ipprova jaqsam il-Mediterran. Id-dgħajsa li kien fuqha tħalliet tiddriftja għal għaxart ijiem mingħajr ikel u ilma, perjodu li matulu mietu 12-il persuna. Huwa ġie salvat mill-Forzi Armati ta’ Malta lejn l-aħħar ta’ Novembru u ddaħħal l-isptar.

Wara erbat ijiem fl-isptar, Fona ġie trasferit l-ewwel fiċ-ċentru ta’ riċezzjoni tal-Ħal Far u aktar tard fiċ-ċentru ta’ detenzjoni tal-Ħal Safi. Għalkemm huwa sostna li kellu 15-il sena, xorta waħda ġie rreġistrat bħala adult.

Rappreżentant mis-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika xehed li Fona u persuni oħra li waslu minn dak li ġie deskritt bħala “żona ħamra” mingħajr dokumentazzjoni medika, kienu suġġetti għal ordni ta’ restrizzjoni fuq il-moviment. Minkejja li Fona ġie ċċarat medikament f’Diċembru, huwa baqa’ miżmum f’detenzjoni.

Il-Qorti nnutat li biex Fona seta’ jinżamm legalment f’detenzjoni wara dik id-data, kien meħtieġ li l-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni joħroġ ordni ta’ detenzjoni, ħaġa li qatt ma saret. Il-minorenni ddeskriva kif kien qed jgħix f’kundizzjonijiet b’ventilazzjoni insuffiċjenti, b’faċilitajiet sanitarji limitati u b’nuqqas ta’ ilma potabbli.

Huwa qal li ngħata bidla waħda biss ta’ ħwejjeġ u li ġie mċaħħad mill-użu ta’ mobajl biex jikkuntattja lill-familja tiegħu jew ifittex parir legali. L-avukati tiegħu sostnew li dawn il-kundizzjonijiet kienu jonqsu bil-kbir milli jilħqu l-istandards meħtieġa għall-protezzjoni ta’ minorenni vulnerabbli.

F’Jannar tal-2022, Fona u oħrajn ippreżentaw rikors quddiem il-Qorti biex tiġi dikjarata illegali d-detenzjoni tagħhom u biex jinħelsu immedjatament, iżda dan ġie miċħud fuq bażi proċedurali. Madankollu, ftit wara li ntemmet is-seduta, l-Aġenzija għall-Ġid tal-Applikanti għall-Ażil (AWAS) ordnat ir-rilaxx ta’ Fona u t-trasferiment tiegħu lejn Dar il-Liedna fil-Fgura, residenza għall-minorenni.

Fona ppreżenta kawża oħra f’Lulju ta’ wara kontra diversi entitajiet tal-Istat, fosthom il-Ministeru għall-Intern, is-segretarju permanenti tiegħu, il-kapijiet tas-Servizzi ta’ Detenzjoni u tal-AWAS, is-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika u l-Avukat tal-Istat.

Il-Qorti madankollu ddeċidiet li l-Ministeru għall-Intern ma kienx ir-rispondent xieraq u nnutat li l-Gvern huwa rappreżentat legalment jew mis-segretarju permanenti jew mill-Avukat tal-Istat. Instab ukoll li s-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika aġixxiet b’mod legali meta ħarġet l-ordni ta’ restrizzjoni fuq il-moviment.

Madankollu, il-Qorti sostniet li Fona ma kellux jibqa’ f’detenzjoni wara li ġie ċċarat medikament u kkritikat bil-qawwa l-kundizzjonijiet li fihom kien miżmum, u qalet li kien ċar li ma kienx qed jinżamm f’ambjent xieraq u konformi mas-salvagwardji li l-liġi tirrikjedi għal persuna vulnerabbli.

Għalkemm Fona ma rnexxilux jipprova li sofra telf finanzjarju dirett, il-Qorti tatlu €5,000 bħala danni mhux pekunjarji, li għandhom jitħallsu mill-Avukat tal-Istat f’isem il-Gvern. Is-smigħ kien presedut mill-Imħallef Giovanni Grixti. L-Avukat Neil Falzon irrappreżenta lil Ayoubah Fona, filwaqt li l-Avukati Miguel De Gabriele mill-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat u Chris Ellul dehru għar-rispondenti.