L-Istati Uniti kompliet twassal il-messaġġ li lesta għal ‘azzjoni militari totali’ fil-konfront tal-Iran wara l-massakri kontinwi tal-Iranjani taħt idejn il-Gwardja Repubblikana u l-milizji leali għar-reġim Iżlamiku mmexxi mill-Ayatollah Ali Khamenei.
Fl-aħħar sigħat, tkellem il-President Amerikan Donald Trump li sostna li s-sitwazzjoni ta’ allert għadha l-istess min-naħa ta’ pajjiżu u avolja hu kien infurmat li l-qtil fl-Iran, issa, waqaf wara d-dmija kontinwa li kienet ilha għaddejja mill-aħħar ta’ Diċembru.
F’każ li l-Istati Uniti tattakka mill-ġdid lill-Iran, il-konsegwenzi għandhom ikunu katastrofiċi fuq livell ġeopolitiku fost it-theżżiż madwar ir-reġjun sħiħ tal-Lvant Nofsani.
Hemm kull possibbiltà li nqatlu u ndarbu bejn 10,000 u 20,000 waqt l-offensiva tal-qawwiet ta’ Khamenei fuq il-poplu tiegħu stess… poplu li ħareġ jipprotesta dwar l-inflazzjoni u l-effetti diżastrużi għall-għajxien tiegħu u bil-protesti jinfirxu madwar il-pajjiż, fejn l-Iranjani sejħu għat-tmiem tar-reġim li ilu jmexxihom mill-1979.
Sadanittant, l-ispazju tal-ajru fuq l-Iran spiċċa magħluq għal tal-anqas ħames sigħat bejn l-Erbgħa u l-Ħamis, b’diversi linji tal-ajru jkollhom jibdlu r-rotot tagħhom madwar l-Istat fundamentalista.
Dan ukoll waqt li l-Foreign Office tar-Renju Unit għalaq l-ambaxxata tiegħu f’Tehran għal żmien temporanju.
//= $special ?>

