Internazzjonali

L-Ukrajna: Ir-Russi jattakkaw il-faċilitajiet tal-enerġija f’temperaturi ta’ – 20

L-attakki kontinwi tar-Russja fuq l-Ukrajna wasslu biex l-Ukreni jiddikjaraw sitwazzjoni ta’ emerġenza relatata mas-settur tal-enerġija – bl-akbar impatt qed jinħass fi Kiev.

Dan meta l-militar ta’ Vladimir Putin jinsab determinat li jeqred il-faċilitajiet tal-enerġija li qed jipprovdu s-sħana lill-Ukreni. Fil-fatt, għexieren ta’ eluf ta’ Ukreni, issa, ilhom diversi ġranet mingħajr servizzi tad-dawl.

Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, mill-ġdid akkuża lir-Russja b’li qed tisfrutta l-elementi ħorox tax-xitwa għall-istrateġiji qattiela – u meta Moska anki qed tikser ir-regoli tal-gwerra bl-attakki sistematiċi intenzjonati biex jiċħdu liċ-ċivili mill-mezzi għas-sħana. Dan meta t-temperaturi fi Kiev niżlu sa 20 grad taħt iz-zero.

Fl-istess ħin, l-Ukrajna qed tkompli tiffaċċja l-kritika tal-President tal-Istati Uniti – b’Donald Trump qed jisħaq li l-Gvern ta’ Zelensky qed jostakola l-isforzi tiegħu lejn il-paċi bejn l-Ukreni u r-Russja. Trump qed jgħid ukoll li ‘l-Ukrajna hi anqas disposta mill-President Putin biex tirrealizza ftehim dwar il-paċi wara kważi erba’ snin ta’ konflitt’.