Futbol Sport

Lucas Villela se jħalli Malta għall-Kuwajt wara offerta li kienet diffiċli biex jirrifjuta

Lucas Villela (ritratt ta' CM Photography)
Lucas Villela (ritratt ta' CM Photography)

Bħal sajjetta fil-bnazzi, Hibernians ħabbru t-tluq tal-iskorer prolifiku Brażiljan, Lucas Villela, wara li, skont stqarrija maħruġa mill-klabb, “il-plejer kellu opportunità biex ikompli l-karriera tiegħu barra minn Malta.”

Għalkemm l-istqarrija ma żvelatx minn liema pajjiż waslet l-offerta, Hibernians spjegaw li “qatt ma kienet l-intenzjoni tal-klabb li jħallil lil Lucas Villela jitlaq, iżda l-offerta li waslet għand il-plejer kienet waħda sinifikanti u li tbiddillu ħajtu, u għalhekk ma kienx hemm ħafna lok għad-diskussjoni.”

L-aħbar ħasdet lill-partitarji Pawlisti, hekk kif wara t-tmiem tal-Opening Round, il-Brażiljan ta’ 27 sena kien l-aqwa skorer tal-Malta Premier League b’11-il gowl.

Għalkemm ma hemmx dettalji dwar jekk Hibernians ħadux kumpens finanzjarju jew le, il-klabb ikkonferma li ntlaħaq ftehim reċiproku biex Villela ma jitlifx din l-opportunità, li sorsi qrib il-klabb iddeskrivew bħala waħda “ferm attraenti.”

Replay jista’ jiżvela li Villela se jkompli l-karriera tiegħu fil-Kuwajt. Il-klabb minn Raħal Ġdid saħaq li “ma riedx iwaqqaf l-iżvilupp u l-futur tal-attakkant Brażiljan, iżda ħadem ukoll biex jipproteġi l-interessi tiegħu bl-aħjar mod possibbli matul il-proċess kollu.”

Hibernians irringrazzjaw lil Villela għall-impenn, il-professjonalità u d-dedikazzjoni tiegħu matul iż-żmien li qatta’ mal-klabb, u awgurawlu kull suċċess f’dan il-kapitlu ġdid tal-karriera tiegħu.

Il-Pawlisti kkonfermaw ukoll li diġà bdew jaħdmu b’mod attiv biex isibu sostitut adattat li jsaħħaħ l-iskwadra għall-futur.

Hu mifhum li dan it-trasferiment seħħ fi żmien qasir, b’Hibernians jirrikonoxxu li kienet opportunità tad-deheb għall-plejer; kemm biex jikber fil-karriera tiegħu kif ukoll biex itejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu.

Villela jħalli Malta sena biss wara li ngħaqad ma’ Hibernians. Matul dawn it-12-il xahar, il-winger versatili lagħab 39 partita f’diversi kompetizzjonijiet, skorja 24 gowl u serva disa’ assists.