Noel Galea
Minority Leader PN
Kunsill Lokali Mqabba
Hemm qawl li jgħid: Min jiżra’ r-riħ, jaħsad riefnu u l-proġett li kellu jsebbaħ il-Pjazza tal-Imqabba qed jixgħed dan il-qawl bl-aktar mod perfettament.
It-twettieq dilettantesk li bih tpoġġa wiċċ il-Pjazza qed jissarraf fi tkissir kontinwu tal-pavement li eventwalment iwassal f’periklu għal persuni li jużawha, inkonvenjent u ħsarat għal proprjetajiet, u spejjeż ripetuti biex jerġa’ jissewwa għal ftit xhur.
Ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk u naċċettaw l-inkompetenza għal benefiċċju ta’ min m’għandux is-sengħa.
Din mhux kritika biex nimlew paġna mill-gazzetta. Din hi sejħa biex bħala rappreżentanti tan-nies fl-Imqabba, niffurmaw tim ta’ azzjoni flimkien… persuni li jifhmu fis-settur maħtura mill-Gvern biex niddiskutu l-problemi u nsibu s-soluzzjonijiet professjonali u meħtieġa ħalli nsalvaw dan il-proġett.
Ħtieġa ta’ soluzzjoni konkreta
Ħafna bħali għandhom għal qalbhom xogħol bil-pavimentar fil-qalba tal-irħula u fil-pjazez tagħna, u s-sejħa tiegħi hija biex insibu s-soluzzjoni u mhux insewwu temporanjament kif sar f’aktar minn tmien darbiet fil-ftit snin li ilu li tlesta x-xogħol fil-Pjazza.
Ma naqbilx li wara li ntefqu mijiet ta’ eluf ta’ ewro għandu jitkisser u jsir it-tarmak, imma lanqas naqbel li kull ftit xhur terġa’ tinqala’ u tiżżarma parti oħra, jew iktar, u nerġgħu naraw il-Pjazza mbarrata bil-barrikkati sakemm tissewwa, bħalma rajna ftit ġranet ilu.
Ma nistgħux nibqgħu nargumentaw li għax jgħaddu l-vetturi minn fuqha allura qiegħed jiġri hekk. Minn iddisinja u ppjana l-proġett kien jaf li mhix pjazza għal moxt u l-mera iżda post ħaj u b’aċċess għall-vetturi u għan-nies.
Madwar sena ilu l-Kunsill Lokali tal-Imqabba kien mgħarraf li l-manteniment tal-Pjazza se jgħaddi f’idejn il-Kunsill Lokali. Oġġezzjonajt minnufih u ma qbiltx, u r-raguni kienet iktar mill-ovvju.
Kif stajna naċċettaw proġett bil-problemi li trid eluf kbar biex tagħmel manutenzjoni kull ftit xhur? Ma stajniex lanqas nieħdu r-responsabbiltà tiegħu meta huwa evidenti li l-ħsara hija perpetwa u tista’ tkun il-kaġun li jweġġgħu n-nies u li mbagħad, bi dritt, ifittxu għad-danni b’riperkussjoni finanzjarja lill-Kunsill Lokali li min-naħa tiegħu m’għandux biex ikopriha.
Le, ma stajniex naċċettaw li d-dilettantiżmu li fih dan il-proġett jiġi mgħoddi lilna biex il-Gvern ifarfar mir-responsabbiltà li għaddewlu min ħolqu.
Iraqqgħu l-pannu bil-qargħa ħamra
Mill-università tat-triq smajt, għax jien ma kontx mitlub nattendi, li waqt laqgħa bejn il-Ministeru responsabbli u s-Sindku tal-Imqabba kien maqbul li l-istess Ministeru se jerġa’ jsewwi l-ħsarat. Li huma kbar fejn dawk li seħħew qabel, u kien programmat li kull ftit xhur se ssir spezzjoni u jibqa’ jsir l-iqlugħ, il-bdil, u l-lapazzar, fejn ikun meħtieġ.
Fi ftit kliem, dan ifisser li l-Gvern u s-Sindku tal-Imqabba qed jaqblu u jaċċettaw li d-dilettantizmu ta’ xogħol li sar fil-Pjazza ewlenija tagħna l-Imqabbin se jibqa’ jissewwa u jitraqqa’ għaż-żmien li ġej.
Dan minflok ma ddiskutew fil-verità x’qed jibqa’ joħloq il-problemi u x’soluzzjonijiet hemm bżonn; imma qablu li se jibqgħu jaċċettaw il-ħsarat u l-problemi li jistgħu jikkawżaw lin-nies.
Dan apparti l-ħala tal-flus li bihom jistgħu jsiru diversi proġetti oħra. Kif tista’ n-nies ma taqtax qalba mill-politikanti meta tara deċiżjonijiet ħżiena bħal dawn? Meta fil-qofol tal-festi tal-Milied kellna żewġ partijiet mill-Pjazza b’kobor ta’ żewġ metri kull waħda mifqugħa ’l isfel li l-Bambin Ġesù ħabbna tant li ħadd ma kiser xi sieq meta dawn il-ħofriet kienu mogħttija bl-ilma tax-xita.
Irridu soluzzjoni dejjiema
Kif nistgħu nsibu soluzzjoni dejjiema jekk id-diskors jibqa’ jsir u jkun ripetut bejn min kien involut fil-proġett biss minflok ma jiftħu d-diskussjoni għal min qed jara l-interess veru tar-residenti u xejn iktar?
Ir-residenti qed jissuġġerixxu li ma jitħallewx li jgħaddu vetturi kbar mill-Pjazza. Din nistgħu niddiskutuha u nsibu rotta alternattiva għat-Trasport Pubbliku peress li jibqa’ vitali għal ħafna li jużawh.
Aħna konna semmejna fil-Manifest Elettorali li permezz ta’ referendum fost ir-residenti, nistaqsu jekk irridux li t-trasport ma jibqax jgħaddi mill-Pjazza u din issir waħda pedonali. Jekk hux fi ġranet partikolari, jew f’ħinijet differenti tal-ġurnata u tal-ġimgħa.
Nistgħu nidħlu f’aktar dettall jekk tkun alternattiva oħra li toħroġ minn fost it-tim ta’ azzjoni li semmejt fil-bidu ta’ dan l-artiklu.
Nistgħu, jekk dawk involuti jridu wkoll, insibu s-soluzzjoni u l-alternattivi meħtieġa biex il-Pjazza li tant ngħożżu aħna l-Imqabbin nagħtuha r-ruħ u s-sbuħija li jixirqulha.
Nistgħu naslu jekk tinvolvuna fid-diskussjoni, fid-deċizjoni li nieħdu azzjoni finalment. Aħna l-Imqabbin fil-veru sens tal-kelma li ddejjaqna naraw wiċċ il-Pjazza tar-raħal tagħna tiħħarma ftit ftit.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 11 ta’ Jannar, 2026
//= $special ?>

