Opinjoni

Opinjoni: Il-kunfidenzjalità fl-ispiżeriji

Bin-nuqqas ta’ kunfidenzjalità fl-ispiżjeriji, ninsabu mċaħħdin mill-jedd sagrosant li nżommu l-istat ta’ saħħitna bħala xi ħaġa privata, u kull darba li mmorru nixtru l-mediċini, kull min jinzerta jkun fl-ispiżerija jsir jaf x’għandna u x’m’għandniex

Mark A. Sammut Sassi

Waħda mill-problemi tal-Modernità hi kif għandu jġib ruħu l-Istat man-negozju. Għandu jindaħal u jirregola jew iħalli lin-negozju jirregola ruħu waħdu, mingħajr indħil tal-Istat? U jekk l-Istat jindaħal, x’għandha tkun ir-riga li biha jitkejjel dak l-indħil? Li tkun żgurata l-kompetizzjoni? Li jkun imħares il-konsumatur?
Il-kustjoni tikkomplika ruħha meta tqis il-professjonijiet. Dawn għandhom jitqiesu bħala negozji, bħala għoti ta’ servizzi bħall-oħrajn kollha, jew bħala klassi separata ta’ taħlita ta’ għoti ta’ servizz u konsulenza? L-għoti ta’ konsulenza jibdel in-natura tan-negozju?
Dal-mistoqsijiet kollha jiksbu siwi akbar fil-każ tal-ispiżeriji u s-servizz mogħti mill-ispiżjara.
Jidhirli li f’Malta l-kunċett ta’ kunfidenzjalità tal-pazjent fl-ispiżeriji hu kompletament nieqes. Jien inqis lill-ispiżjara bħala professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa. Kien hemm żmien meta biex issir tabib ridt l-ewwel ikollok il-lawrja ta’ spiżjar, u jidhirli li kienet prassi tajba, għax iż-żewġ professjonijiet huma intimament marbutin f’għan wieħed: li tingħata konsulenza professjonali għall-kura ta’ saħħet il-pazjent.
Il-pazjent għandu jedd li l-istat ta’ saħħtu jkun protett bil-kunfidenzjalità mhix biss bħala kustjoni ta’ dinjità; hi wkoll kustjoni prattika. Jaf ikun hemm min għandu l-qligħ mis-sempliċi għarfien dwar l-istat ta’ saħħet ħaddieħor.
M’iniex ngħid għall-kumpaniji tal-farmaċewtika biss. Anki nies madwarek jaf ikollhom interess finanzjarju li jiksbu għarfien dwar saħħtek. Għalhekk il-files tal-pazjenti l-isptar huma protetti b’velu oħxon ta’ kunfidenzjalità. Tant oħxon li ġieli saħansitra lill-pazjent innifsu ma jgħidulux x’hemm fil-file tiegħu stess. Pożizzjoni illoġika, veru, imma li tgħallem kemm hi prezzjuża l-kunfidenzjalità tal-pazjent.

Ħlief fl-ispiżjeriji!
Ma nafx bi spiżjerija waħda li hi waħda f’Malta li tirrispetta l-kunfidenzjalità tal-pazjent. Tmur tixtri l-mediċini… u kulħadd jaf xi xtrajt, u jekk l-ispiżjar jagħtik parir, kulħadd jisimgħu. Ġieli tinzerta aktar minn persuna waħda jinqdew f’salt, u l-kunfidenzjalità ttir mar-riħ.
Il-problema, fil-fehma tiegħi, hi li l-ispiżjeriji meqjusin ħwienet u n-nies li jmorru jixtru l-mediċini meqjusin klijenti mhux pazjenti. Jidhirli li dan hu żball madornali. Meta xi ħadd imur jixtri l-mediċini mhuwiex klijent imma pazjent, u l-ispiżjara mhix salesgirl imma professjonista tal-kura tas-saħħa mogħnija b’għarfien espert li kisbet wara snin ta’ studju l-Università dwar il-mediċini, l-effetti benefiċi tagħhom u l-effetti kollaterali, u ħwejjeġ oħrajn intimament marbutin mal-kura tas-saħħa.
Ħadd m’għandu jmur għand professjonist u l-parir jingħatalu b’mod pubbliku. Kulma jingħad ma’ professjonist għandu jibqa’ privat u kważi dejjem kunfidenzjali. Għax il-professjonist hu xi ħadd li jinsab bejn l-individwu, il-familja, u l-bqija tas-soċjetà. Hi meħtieġa l-kunfidenzjalità. Hemm ħwejjeġ li għandu jkun l-individwu, fl-eżerċizzju tas-sovranità personali tiegħu fuq ħajtu, li jiddeċiedi jberraħhomx pubblikament jew iżommhomx għalih.

Il-jedd għall-privatezza
Kif inhuma l-affarijiet il-lum, bin-nuqqas ta’ kunfidenzjalità fl-ispiżjeriji, kull wieħed u waħda minna ninsabu mċaħħdin mill-jedd sagrosant li nżommu l-istat ta’ saħħitna bħala xi ħaġa privata, u minflok kull darba li mmorru nixtru l-mediċini, kull min jinzerta jkun fl-ispiżerija jsir jaf x’għandna u x’m’għandniex.
Ta’ xejn il-pajjiż jintefaħ bir-rebħa pirrika tat-tkabbir ekonomiku jekk imbagħad il-kwalità tal-ħajja hi kwalità medjokri. Ta’ xejn ikollna l-flus jaqbżu fil-but jistennew li nonfquhom meta mbagħad id-dinjità tagħna titħalla barra mill-imkejjen fejn immorru nonfquhom dawk il-flus.
Il-flus ma jagħmlux nies; id-dinjità iva. U d-dinjità hi fil-biċċa l-kbira tagħha mibnija fuq il-privatezza. Għalhekk ċerti ħwejjeġ, anki naturali, nagħmluhom fil-privat. Min ma jifhimx id-differenza bejn il-pubbliku u l-privat ma jifhimx id-dinjità; hemm linja rqiqa li tagħżel il-pubbliku mill-privat (u viċi-versa) u trid livell ta’ ċiviltà u sofistikatezza bejn tagħrafha.
Imma d-dinjità mhux biss tal-pazjent; ukoll hemm id-dinjità tal-professjonist, f’dal-każ tal-ispiżjar(a). Nistenna li l-professjoni tal-ispiżjara tindokra d-dinjità tal-professjoni nobbli tagħhom. U nistenna li l-Gvern jindokra l-jedd ta’ kull wieħed u waħda minna għall-kunfidenzjalità. Nistenna li dan isir bi sforz min-naħa tal-ispiżjara u b’regolamenti min-naħa tal-Gvern biex jiġu introdotti miżuri ta’ kunfidenzjalità, bħalma huma l-cubicles.
Imma dan hu Gvern li aktar ħsiebu fl-interessi settorjali milli fil-ġid komuni.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 15  ta’ Jannar, 2026.