Angelo Micallef
Ix-xeni u l-aħbarijiet li ħerġin mill-Iran jistgħu jiġu deskritti biss bħala xokkanti u ta’ għajb għall-umanità. Ikkonfrontat minn kollass ekonomiku totali; minn governanza fl-agħar livelli immaġinabbli; minn stat oppressiv fejn min ma jimxix bil-pinna u l-klamar jispiċċa ffaċċjat bi ħruxijiet kbar, il-poplu Iranjan bir-raġun jinstab għatxan għal bidla. Il-poplu Iranjan bir-raġun irid sens ta’ tama ġdida u jrid jieħu lil pajjiżu f’direzzjoni differenti.
L-użu tal-forza u t-terrur mill-Gvern Iranjan fil-konfront tal-poplu Iranjan huwa kundanabbli bl-aktar mod ċar u bl-eħrex mod possibbli. Huwa inaċċettabbli meta t-talba tal-poplu għal governanza aħjar, għal demokrazija ta’ vera, għal riformi soċjali u għal bidla ekonomika jiġu milqugħa b’theddid ta’ piena tal-mewt u bi vjolenza mill-forzi tas-sigurtà.
Dak li qiegħed jiġri fl-Iran ikompli juri kemm il-Gvern Iranjan jibqa’ wieħed mill-aktar forzi politiċi perikolużi fid-dinja u bla dubju ta’ xejn fir-reġjun. Ikompli juri kemm l-estremiżmu tat-tmexxija Iranjana bl-ebda mod ma tirrifletti s-sentiment tal-poplu Iranjan.
Pass għaqli
Kien pass ġust u għaqli dak tal-Parlament Ewropew taħt it-tmexxija tal-President Roberta Metsola li għalaq il-bibien għad-diplomatiċi tal-Gvern Iranjan. Għandu jkun pass li jittieħed minn istituzzjonijiet oħra madwar id-dinja li tassew jemmnu fil-prinċipji tal-libertà, demokrazija u drittijiet tal-bniedem.
Jekk tassew irridu nuru solidarjetà mal-poplu tal-Iran u mal-ġlieda tiegħu sabiex fil-pajjiż sa fl-aħħar issaltan in-normalità demokratika jeħtieġ allura li niżolaw lit-tmexxija estremista attwali u nuruha li m’aħniex lesti nħabbtu t-tazzi ma’ min jimxi b’dak il-mod mal-poplu tiegħu stess.
Din mhijiex xi ġlieda reliġjuża jew xi battalja ideoloġika. Din hija l-ġlieda ta’ poplu li ilu oppressat snin twal u li jrid il-libertà. Naturalment filwaqt li nuru solidarjetà sħiħa mal-poplu Iranjan u nieħdu passi konkreti ta’ solidarjetà rridu noqogħdu attenti minn passi li jista’ jkollhom l-effett oppost.
Bla dubju ta’ xejn m’għandu jkun hemm ebda involviment ta’ Iżrael f’din is-sitwazzjoni. Din hija l-ġlieda tal-poplu Iranjan u s-sovranità tal-istess poplu f’pajjiżu; mhijiex xi eżerċizzju ta’ score settling. Ugwalment għandu jkun hemm kawtela mill-Istati Uniti li trid iżomm f’moħħha l-fatt li kwalunkwe pass li joħloq atmosfera ta’ assedju jista’ jkun ta’ vantaġġ għar-reġim oppressiv li kapaċi juża tali atmosfera bħala skuża u paraventu.
Jalla l-poplu Iranjan jasal għall-miri tiegħu u dan mingħajr telf ta’ ħajja u tixrid tad-demm. Jalla fl-Iran sa fl-aħħar tirrenja d-demokrazija u l-libertà. Jalla l-poplu Iranjan sa fl-aħħar ikun jista’ jilħaq il-massimu tal-potenzjal ekonomiku tiegħu u jgawdi l-frott ta’ dak il-massimu tal-potenzjal ekonomiku. Jalla fl-Iran jinkisbu dawk ir-riformi soċjali li l-poplu tant huwa għatxan għalihom.
Fil-‘land of the free’
Ironikament waqt li nitkellmu fuq demokrazija u libertà għall-poplu Iranjan, il-pajjiż li tant iħobb iħabbat idejh fuq sidru u jgħajjat li huwa ‘the land of the free’ qiegħed ikompli jara degradazzjoni kostanti tad-demokrazija tiegħu.
Minn politiċi jiġu mhedda li se jitilfu l-pensjoni militari tagħhom għaliex tkellmu b’mod aħrax kontra l-President; għal nies jiġu maqtula minn forzi tas-sigurtà f’ċirkostanzi dubjużi ħafna; għal midja tiġi regolarment mhedda bil-liċenzja tagħha għaliex dak li xandret ma jkunx idoqq għal widnejn il-President. U issa pass aħjar, il-‘land of the free’ saħansitra thedded pajjiż alleat, demokrazija oħra, li tinvadih militarment biex tieħu biċċa minnu. Hemm fejn naslu aktar?
Naturalment biex inkun ċar, ma għandi ebda dubju li dak li qiegħed jagħmel Trump ma jirriflettix is-sentiment ta’ kull Amerikan, anzi naħseb lanqas jirrifletti s-sentiment ta’ kull Repubblikan, wisq inqas ta’ kull Amerikan. Għalhekk huwa ta’ ħasra li tara kif bniedem wieħed, imdawwar b’ċirku żgħir ta’ estremisti, qiegħed jirriduċi lill-Istati Uniti.
L-Eks President Amerikan Barack Obama s-sajf li għadda stqarr, “If you follow regularly what is said by those who are in charge of the federal government right now, there is a weak commitment to what we understood — and not just my generation, at least since World War II — our understanding of how a liberal democracy is supposed to work”.
Huwa saħaq ukoll li, “What we’re seeing right now … is not consistent with American democracy. It is consistent with autocracies. It is consistent with Hungary under Orbán. It’s consistent with places that hold elections but do not otherwise observe what we think of [as] a fair system in which everybody’s voice matters and people have a seat at the table, and there are checks and balances, and nobody’s above the law. We’re not there yet completely, but I think that we are dangerously close to normalizing behavior like that.”
Kemm qed jagħtih raġun iż-żmien ma’ kull jum li jgħaddi!
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 15 ta’ Jannar , 2026.
//= $special ?>

