Lokali Qorti

Qorti tiċħad appell kontra l-bank Lombard dwar bejgħ ta’ proprjetà f’irkant ġudizzjarju

Il-Qorti tal-Appell ċaħdet appell imressaq mill-werrieta ta’ Susan Mary Senior kontra sentenza tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili li kienet diġà ċaħdet it-talbiet tagħha kontra Lombard Bank Malta p.l.c., f’kawża marbuta mal-bejgħ b’subbasta ta’ proprjetà fl-Għarb, Għawdex.

Il-kawża oriġinali kienet infetħet fl-2015 minn Susan Mary Senior, mara anzjana li kienet issellfet somma sostanzjali mingħand il-bank u li, wara diffikultajiet finanzjarji, spiċċat waqgħet lura fil-pagamenti. Il-proprjetà tagħha, “Bilmar House” fi Triq il-Knisja, kienet ġiet ipotekata bħala garanzija tas-self. Meta l-ħlasijiet ma baqgħux isiru, il-bank beda proċeduri biex il-fond jinbiegħ b’irkant ġudizzjarju.

Senior kienet sostniet li, fuq parir tal-bank, poġġiet il-proprjetà għall-bejgħ privat u saħansitra daħlet f’konvenju ma’ koppja Għawdxija għal prezz ta’ €240,000. Madankollu, il-bank oġġezzjona għal talba biex is-subbasta tiġi sospiża, u l-Qorti dak iż-żmien ċaħdet is-sospensjoni. Fl-irkant saret offerta waħda biss, mill-bank innifsu, li xtara l-proprjetà għal €168,000 u aktar tard biegħha lill-istess koppja għal €250,000.

Senior kienet argumentat li l-aġir tal-bank kien in mala fede, li sfrutta l-pożizzjoni tiegħu u li kiser l-obbligi fiduċjarji u l-etika bankarja, billi għamel profitt sostanzjali fuq daharha. Wara mewtha fl-2017, il-kawża kompliet mill-werrieta tagħha.

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, b’sentenza mogħtija fl-2024, kienet ċaħdet kemm l-eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni kif ukoll it-talbiet kollha kontra l-bank, u qalet li ma sabitx prova ta’ mala fede jew ta’ ksur ta’ obbligi minn naħa tal-bank, li kien mexa skont il-liġi u b’paċenzja notevoli minkejja s-snin ta’ nuqqas ta’ ħlas.

Fl-appell, il-werrieta sostnew li l-Ewwel Qorti żbaljat fl-istħarriġ tal-provi u fit-tħaddim tal-liġi, u li l-bank kellu jikkopera biex is-subbasta tiġi sospiża ladarba kien hemm bejgħ privat fis-seħħ. Il-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti flimkien mal-Imħallfin Christian Falzon Scerri u Josette Demicoli, ma qablitx ma’ dawn l-argumenti.

Il-Qorti qalet li r-relazzjoni bejn bank u klijent hija waħda kuntrattwali u mhux, bħala regola ġenerali, relazzjoni fiduċjarja, u li fil-każ inkwistjoni ma kienx hemm ċirkostanzi li joħolqu tali obbligi straordinarji. Intqal ukoll li l-fatt li l-bank mexa skont il-proċedura legali u pproteġa l-interessi tiegħu bħala kreditur ma jfissirx, minnu nnifsu, nuqqas ta’ rieda tajba.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Appell ikkonfermat is-sentenza tal-Ewwel Qorti u ċaħdet l-appell, u b’hekk il-bank ma nstabx responsabbli għad-danni mitluba.