28,500
Dan huwa l-ammont ta’ persuni li rrikorew għas-Soup Kitchen fis-sena 2025.
Biex b’hekk fi 12-il xahar, is-soup kitchen serviet 85,500 ikla ta’ nofsinhar u 28,100 lunch ippakjat. Mhux hekk biss iżda f’temp ta’ 4 snin, ċioè bejn l-2021 u l-2025, aktar minn 300 viżitatur irnexxielhom isibu impjieg grazzi għall-assistenza tas-Soup Kitchen.
Is-Soup Kitchen tagħmel mirakli kbar grazzi għal voluntiera li jaħdmu magħha hekk kif huwa stmat li 6 voluntiera jaħdmu bħala membru tal-bord u 75 voluntier ieħor huwa helper.
Barra minn hekk persuna waħda taħdem fuq bażi full-time u persuna oħra biss taħdem fuq bażi part-time.
Dawn il-helpers ġejjin minn 62 pajjiż differenti minn madwar id-dinja kollha mill-Arġentina, sat-Tajlandja, mill-Istati Uniti u l-Venezwela, saċ-Ċina, l-Iran u l-Kambodja.
Fosthom hemm ukoll avukati, infermiera, barbiera u social workers hekk kif ta’ min ifakkar ukoll li s-Soup Kitchen toffri servizzi oħra grazzi għal avukat, żewġ infermiera, social worker u barbier li joffri servizzi utli biex dawk li jirrikoru għas-Soup Kitchen ikollhom ħajja b’dinjità.
Flimkien mal-voluntiera s-Soup Kitchen tiddependi ħafna wkoll fuq id-donazzjonijiet li jsiru. Matul is-sena 2025 id-donazzjonijiet ġew minn 68 kumpanija, 1,140 individwu kif ukoll minn numru ta’ visti minn skejjel u Youth Centres, li b’kollox laħqu mal-1,800 waħda. Dan ifisser li bħala katina waħda, ilkoll kienu ta’ sostenn biex is-Soup Kitchen irnexxilha tipprovdi ikel lil dawn il-persuni li ma għandomx biżżejjed flus biex jittrejqu.
Il-maġġoranza ta’ dawk li rrikorrew għall-għajnuna kienu ġejjin minn Tas-Sliema, l-Imtarfa, il-Fgura, l-Imsida, Tal-Pietà, Ħal Kirkop, San Pawl il-Baħar, Santa Venera, il-Ħamrun, Birkirkara, Bormla, Ħaż-Żebbuġ, Valletta, Ħal Qormi, il-Marsa, il-Floriana, il-Gżira u Ħal Luqa.
Is-Soup Kitchen OFM Valletta fetħet il-bibien tagħha fil-25 ta’ Awwissu, 2021 u toffri diversi servizzi lill hinn minn ikel.
//= $special ?>

