Lokali

Grech jonfoq mal-€100,000 fis-sena f’safar

F’sentejn il-Kummissarju tal-Films, Johann Grech, nefaq madwar €100,000 kull sena f’safar.

Dawn iċ-ċifri ħarġu minn ċifri ppreżentati fil-parlament mill-Ministru Owen Bonnici wara domanda parlamentari magħmulin mid-Deputat Parlamentari Nazzjonalista Ivan Bartolo fejn ġie spjegat li matul l-2024 u l-2025 siefer 18-il darba – għal nefqa kumplessiva mit-taxxi tal-poplu għal nefqa medja ta’ €10,000 kull darba.

L-għan ta’ dawn is-safriet kienu mmirati sabiex jippromwovu lil Malta bħala destinazzjoni għal filming, madanakollu ma kien ipprovdut ebda dettal fejn u kif intefqu dawn l-eluf ta’ ewro.

Fost id-destinazzjonijiet kien hemm Londra u Los Angeles – b’din tal-aħħar matul l-2025, f’temp ta’ 3 xhur, Grech mar darbtejn fil-Belt Amerikana b’nefqa ta’ €68,000 it-titjiriet biss. F’okkażjoni minnhom, Grech kien akkumpanjat minn tliet konsulenti li isimhom baqa’ mistur.

Din l-aħbar tasal ftit tal-ġimgħat biss wara li sar magħruf kif l-aħħar edizzjoni tal-Mediterrane Film Festival laħqet is-€6 miljun – liema nefqa s’issa ma nafux eżattament fejn marru – b’nuqqas ta’ trasparenza kbira.