Lokali Qorti

Ħelsien mill-arrest wara li ġie mixli li saq fis-sakra u kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja

Raġel ta’ 40 sena mill-Belt -Valletta ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb mhux ħati għal akkużi ta’ sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol, sewqan b’mod negliġenti u ksur ta’ kundizzjonijiet ta’ libertà proviżorja.

Janis Caruana tressaq il-Qorti l-Ġimgħa, fejn kien mixli wkoll li saq vettura mingħajr kopertura tal-assigurazzjoni u li kkawża ħsarat lil tliet vetturi oħra. Huwa ġie akkużat ukoll li kiser kundizzjonijiet ta’ libertà proviżorja li kienu ġew imposti fuqu fl-2021.

L-Ispettur tal-Pulizija Ian Vella spjega li fil-15 ta’ Jannar, waqt rondi fil-Marsa, uffiċjali tal-Pulizija ġew avviċinati minn persuna li infurmathom li kien hemm vettura li kienet laqtet karozzi oħra. Meta marru fuq il-post, il-Pulizija sabu lil Caruana fis-seat ta’ quddiem tal-karozza tiegħu.

Skont l-Ispettur, kien hemm suspett li l-imputat kien fis-sakra, u għalhekk intalab jagħmel test tal-breathalyser, iżda huwa rrifjuta. Kontrolli ulterjuri wrew li Caruana kien qiegħed fuq il-libertà proviżorja u soġġett għal curfew, u għalhekk ġie arrestat fit-3.15am.

Id-difiża, immexxija mill-avukat Jacob Magri, talbet għall-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat, bl-Ispettur Vella jenfasizza li l-imputat kien diġà ngħata opportunità minn qorti oħra meta ngħata l-bail, iżda nstab fit-triq fis-sigħat bikrin, meta suppost kellu jkun id-dar.

L-avukat Magri wieġeb li ilu jaf lill-imputat għal ħafna snin u qal li dan kien għadda minn perjodi diffiċli f’ħajtu minħabba vizzju tad-droga, li minnu issa kien irnexxielu jirkupra u jirriabilita ruħu b’suċċess. Huwa sostna wkoll li ma kienx hemm xhieda ċivili diretti tal-inċident, ħlief is-sidien tal-vetturi li setgħu jikkonfermaw biss il-ħsarat li ġarrbu l-karozzi tagħhom.

Magri żied li Caruana ma kellux kawżi pendenti oħra, apparti dik li fiha kien ingħata l-bail, u li kien qiegħed jgħix ħajja stabbli. Wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet, il-Qorti laqgħet it-talba u tat lill-imputat il-ħelsien mill-arrest kontra depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €5,000. Huwa ġie ordnat jiffirma tliet darbiet fil-ġimgħa fl-Għassa tal-Belt u ġie impost ukoll curfew.

Il-kawża kienet ippreseduta mill-Maġistrat Ann Marie Thake. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Ian Vella, filwaqt li l-avukat Jacob Magri deher għall-imputat.