Ħu l-mara tal-akkużat fil-ġuri dwar qtil li seħħ fl-2008 qal lill-Qorti kif fil-lejl fatali sab lill-akkużat jitriegħed u jidher f’xokk kbir. Ix-xhieda ngħatat minn Johann Gaffarena, ħu Romina Caruana, li tela’ fuq il-pedana quddiem il-ġurati li qed jisimgħu l-kawża kontra Stephen Caruana.
Caruana qed jiġi mixli bil-qtil ta’ Neville Baldacchino, raġel li allegatament kellu relazzjoni extra-konjugali ma’ martu. L-akkużat qed jiċħad l-akkużi kollha miġjuba kontrih.
Gaffarena rrakkonta li għall-ħabta tas-1.00am qam wara telefonata minn ħuh Michael, li qallu biex imur id-dar ta’ Romina f’Ħal Qormi għax “ġara xi ħaġa”. Qal li libes malajr u telaq lejn Qormi, u wasal fuq il-post fl-istess ħin tal-Pulizija, madwar 20 minuta wara li telaq mid-dar tiegħu. F’dak il-mument, huwa ħaseb li forsi kien ġara xi ħaġa lit-tfal.
Meta daħal ġewwa, qal li ra lil Stephen Caruana jidher pallidu, jitriegħed u f’xokk. Ftakar li staqsieh “x’ġara Steve?”, iżda l-akkużat ma setax iwieġeb. Ix-xhud tenna li pprova jkellmu diversi drabi, iżda Caruana baqa’ bla kliem, jidher maħsud minn dak li kien seħħ.
F’dan l-istadju, il-prosekutur Shelby Aquilina talab il-permess tal-Qorti biex jirreferi għal xhieda li Gaffarena kien ta quddiem il-Maġistrat inkwerenti, fejn kien qal li kien wasal flimkien mal-Pulizija, daħal sal-intrata tad-dar u mbagħad intalab joħroġ. Gaffarena kkonferma li kien ipprova jkellem lill-akkużat, iżda dan ma wieġbu xejn.
Aktar kmieni matul il-ġurnata, xehdu wkoll esperti tal-ballistika li spjegaw li skont l-analiżi tagħhom, l-aggressur spara minn distanza ta’ bejn żewġ u tliet metri, bil-vittma tinsab kemxejn fuq in-naħa tax-xellug. Skont ir-rapport tagħhom, Baldacchino kien imċaħħad jew mgħawweġ meta ntlaqat għall-ewwel darba f’saqajh. Id-difiża kkontestat din il-konklużjoni u ressqet il-possibbiltà li l-vittma setgħet kienet wieqfa.
Xhud ieħor, uffiċjal tal-post tad-delitt, qal kif ittieħdu kampjuni mill-ħwejjeġ ta’ Stephen u Romina Caruana. Esperti forensiċi kkonkludew li ma nstabet l-ebda gunshot residue fuq il-ħwejjeġ ta’ Romina Caruana, iżda nstabu partiċelli fuq il-ħwejjeġ ta’ Stephen Caruana. Ġie kkonfermat ukoll li s-senter Benelli kien ġie sparat.
Il-ġurati raw ritratti tal-vittma Neville Baldacchino mixħut bla ħajja fuq terrazza, liebes ‘sweater’ aħdar b’linji bojod, suwed u sofor, flimkien ma’ jeans u kalzetti. L-espert mediku-legali Mario Scerri, li xehed permezz ta’ videoconference, spjega l-pożizzjoni li nstab fiha l-vittma u d-diversi feriti li ġarrab, kif ukoll il-mod kif il-pellets infirxu fil-ġisem. Mill-analiżi tiegħu, huwa kkonkluda li t-tiri kienu sparati minn distanza qasira.
Wara dan, żewġ patoloġisti forensiċi xehdu wkoll. Il-prosekuzzjoni ħabbret li kellha l-intenzjoni turi lill-ġurati filmat tal-awtopsja, iżda d-difiża oġġezzjonat. Il-ġurati ntalbu joħorġu mill-awla waqt li tqajjem punt ta’ liġi. L-Avukata tad-difiża Giannella De Marco argumentat li l-ġurati kienu diġà raw diversi ritratti tal-vittma u li l-filmat seta’ jħalli impatt qawwi u mhux meħtieġ fuqhom. L-Avukat Charles Mercieca talab lill-prosekuzzjoni tispjega x’kien l-għan ewlieni li jintwera l-filmat.
Min-naħa tiegħu, il-prosekutur Francesco Refalo qal li l-filmat kien parti mil-lista ta’ provi li kellhom jintwerew u li kwalunkwe oġġezzjoni dwar l-ammissibbiltà kellha titqajjem qabel il-bidu tal-ġuri. Huwa sostna li l-għan kien li l-ġurati jifhmu aħjar il-kobor tal-feriti li ġarrab Baldacchino, u semma kif f’ġuriji oħra kienu ntwerew filmati simili.
Il-patoloġisti spjegaw li l-vittma kellu ksur fil-kranju u emorraġija estensiva fil-moħħ, kif ukoll telf kbir ta’ demm kawża tal-feriti li ġarrab f’idu u f’saqajh.
Il-ġuri jkompli l-Ġimgħa filgħodu quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati tal-Avukat Ġenerali Francesco Refalo u Shelby Aquilina, filwaqt li l-akkużat qed ikun assistit mill-avukati Giannella De Marco u Charles Mercieca. L-avukati Edward Gatt u Mark Vassallo qed jidhru għall-qraba tal-vittma.
//= $special ?>

