Lokali Qorti

Il-ġuri dwar omiċidju fir-Rabat mistenni jintemm illum hekk kif il-ġurati jirtiraw għad-deċiżjoni

Fil-ħames jum tiegħu, il-ġuri li qed jisma’ l-kumpilazzjoni tal-provi biex jiġi deċiż jekk Noel Azzopardi ta’ 41 sena mir-Rabat għandux jgħaddi ġuri b’rabta mal-qtil ta’ Eric Borg fir-Rabat mistenni jiġi konkluż illum. Dan wara li l-Imħallef Neville Camilleri jtemm l-indirizz tiegħu lill-ġurati, qabel jibgħathom jirtiraw biex jiddeliberaw.

Il-proċeduri, li bdew nhar it-Tnejn u qed jinstemgħu quddiem l-Imħallef Camilleri fl-Awla 29, iffukaw b’mod partikolari fuq l-istat mentali tal-akkużat fil-mument tal-isparatura. Il-ġurati issa jridu jiddeċiedu jekk Azzopardi kienx f’sensih meta allegatament spara u qatel lil Eric Borg, ta’ 27 sena, fl-ewwel tas-sena ta’ sentejn ilu fi Triq il-Fidloqqom, fl-inħawi tan-Nigret, fir-Rabat.

Ix-xhieda kollha temmew id-dispożizzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti, fosthom numru ta’ psikjatri li lkoll qalu li l-kundizzjoni mentali tal-akkużat ma kinitx f’stat normali. Wara s-sottomissjonijiet tal-prosekuzzjoni u tad-difiża, l-Avukat Arthur Azzopardi beda u temm il-kontroreplika għan-nom tal-imputat.

Quddiem il-Qorti Kriminali ħareġ li fil-jum tad-delitt Azzopardi lemaħ karozza pparkjata ħdejn l-għelieqi, niżżel il-ħġieġa tal-karozza tiegħu u allegatament ġie mhedded verbalment mill-vittma. L-akkużat stqarr li kien konxju li spara lejn Borg u ta’ dak li għamel, iżda sostna li kien jemmen li l-vittma “illum jew għada” kien se jagħmillu xi ħsara.

Issemma wkoll episodju fejn Azzopardi qal li darba ra lil xi ħadd f’karozza jiċċassa lejh, fatt li, skont ix-xhieda mediċi, kompla jsaħħaħ il-biżgħat tiegħu. Dr Cassar qal lill-Qorti li l-imputat kien infurmah li kien isegwi kura psikjatrika regolari u li kien jieħu mediċina kuljum, iżda li fil-perjodu qrib l-omiċidju kien waqaf jeħodha.

Intqal ukoll li Azzopardi kien iddaħħal l-isptar Monte Carmeli qabel il-qtil u li kien ibati minn ħsibijiet ta’ dwejjaq u wkoll ħsibijiet suwiċidali. Quddiem il-psikjatri huwa stqarr li kien jisma’ vuċijiet meta jkun waħdu u li kien jemmen li xi ħadd ried iweġġgħu. Skont Dr Cassar, dawn l-elementi kollha kienu juru evidenza ċara ta’ paranojja fil-ħsibijiet tal-imputat.

Waqt il-ġurin ħareġ li l-akkużat ikkopera bis-sħiħ mal-Pulizija u baqa’ kalm, fehem l-istruzzjonijiet li ngħata u segwiehom, u fl-ebda ħin ma deher bħala periklu la għalih innifsu u lanqas għall-oħrajn. Meta mistoqsi dwar l-armi, l-Assistent Kummissarju Keith Arnaud qal li mid-dar tal-akkużat ġew elevati diversi snieter, li kollha rriżulta li kienu rreġistrati legalment fuq ismu u miżmuma fir-residenza tiegħu.

Irriżulta wkoll li wieħed minn dawn is-snieter, li kien instab imwarrab wara grandfather clock, kien l-istess arma li allegatament intużat fil-qtil. L-Assistent Kummissarju spjega wkoll li waqt eżami fil-kamra mortwarja, il-Pulizija nnotat li t-tir kien ġie sparat minn distanza qasira, osservazzjoni li iktar ’il quddiem ġiet ikkonfermata mill-esperti tal-iskwadra tal-ballistika li eżaminaw il-feriti u d-demm.

Matul ix-xhieda tiegħu, wieħed mill-ġurati staqsa dwar is-sitwazzjoni tal-liċenzji tal-armi tal-akkużat. L-Imħallef aċċetta d-domanda u Arnaud wieġeb li saru l-verifiki kollha fis-sistema u mat-Taqsima responsabbli mill-liċenzji, u minn dawn irriżulta li ma kien hemm l-ebda irregolarità mill-aspett legali relatat mal-armi.

Fil-Qorti ntwerew diversi ritratti, fosthom dawk li juru karozza Volvo bajda pparkjata mal-bankina, bil-vittma mixħut mal-art taħt liżar abjad. Ir-ritratti wrew ukoll żewġ feriti fuq il-ġisem tal-vittma, waħda fuq dahru u oħra fuq in-naħa tal-lemin ta’ ġenbu. Dehru wkoll stampi tal-arma użata, shotgun, li kienet ġiet elevata bħala parti mill-provi.

Kien hemm ukoll xhieda moqrija ta’ persuna barranija li tgħix Malta u li allegatament rat dak kollu li seħħ, iżda li ma setgħetx tkun preżenti fil-Qorti minħabba li bħalissa tinsab barra minn Malta.

Il-każ qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Neville Camilleri, bl-Avukati Arthur Azzopardi u Nicole Vassallo jidhru għall-akkużat. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Kevin Valletta u Kylie Bonett, filwaqt li l-Avukat Joe Giglio qed jidher bħala parte civile għan-nom tal-familjari tal-vittma.

Il-ġurati mistennija jirtiraw biex jiddeliberaw wara li jintemm l-indirizz tal-Qorti.